Illum ingħata bidu għall-ġuri tal-eks membru tal-Korp tal-Pulizija Carmel Cutajar, ta’ 50 sena mir-Rabat, akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-mara tiegħu, li weġġagħha serjament, li ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija u li wettaq krimini li kien marbut mil-Liġi li ma jwettaqx. Il-każ seħħ fis-26 ta’ Settembru 2012 fir-Rabat.
Quddiem l-Imħallef Edwina Grima, Cutajar qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh. Hu kien ilu miżżewweġ lil Maria, ta’ nazzjonalità barranija, għal 21 sena u flimkien kellhom żewġt ibniet, li dakinhar tal-każ kellhom 14 u 20 sena.
Il-Prosekuzzjoni qed issostni li ż-żwieġ bejn l-akkużat u l-vittma ma kienx wieħed feliċi minħabba l-karattru diffiċli tiegħu. Dan wassal biex il-mara bdiet tħossha priġuniera f’darha qabel ma marret flimkien ma’ wliedhom biex tfittex il-kenn fid-Dar Merħba Bik.
Fil-Qorti ġie spjegat li meta seħħ dan, l-akkużat ħadha bi kbira għax ma setax jaċċetta li l-membri tal-familja tiegħu ħarbu mill-awtorità tiegħu. Hu pprova jipperswadihom, iżda l-mara baqgħet iżżomm sod anke għax meta seħħ dan fil-passat, hi spiċċat vittma ta’ swat u abbużi oħra.
L-eks membru tal-Korp ma setax jaċċetta dan il-fatt, bil-Prosekuzzjoni tispjega li kien għalhekk li dakinhar li seħħ il-każ, mar b’arma tan-nar lejn l-istabbiliment tal-ikel fejn kienet taħdem il-mara fir-Rabat. Malli daħal fil-post, hu staqsieha biex toħroġ mill-post ħalli jkellimha, bil-vittma taċċetta għax ma riditx tagħmel xenata quddiem il-kollegi tagħha.
Barra l-istabbiliment, l-akkużat staqsa lil martu biex tmur lura miegħu, iżda hi baqgħet ma taċċettax. Kien hawn x’ħin ħareġ l-arma tan-nar mill-but u mmirah lejn qalb il-vittma. Hu spara tir mill-viċin, li spiċċa viċin ta’ qalbha. Mal-art, hi ppruvat titkaxkar lejn l-istabbiliment, bl-akkużat jispara żewġ tiri oħra, li iżda ma laqtuhiex.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li Cutajar telaq mill-post u aktar tard matul il-jum ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat. Mal-Pulizija, hu ddikjara li pprova joqtol lilu nnifsu, iżda sofra biss feriti ħfief, tant li rnexxielu jaqla’ l-balla hu stess.
Sadanittant, wara li ngħatat l-ewwel għajnuna mill-kollegi sakemm waslet Ambulanza, il-vittma ttieħdet immedjatament l-Isptar Mater Dei. Hemm, hi kienet operata u grazzi għal dan kienet salvata ħajjitha. Għal-Liġi, spjegat il-Prosekuzzjoni, dan ifisser li l-qtil volontarju ma seħħx biss minħabba xi ħaġa li ma kinitx fil-kontroll tal-akkużat.
Giannella Busuttil u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>