Ekspriġunier tal-gwerra Olandiż li kien qed jinżamm f’Nagasaki meta l-qawwiet tal-Istati Uniti tefgħu l-bomba atomika fuq dik il-belt Ġappuniża lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra rebaħ kumpens mingħand il-Gvern tal-Ġappun.
Willy Buchel, li għandu 95 sena, hu l-ewwel priġunier tal-gwerra li rċieva pagament ta’ dan it-tip wara li hu, f’Mejju li għadda, ressaq rikors ‘relatat għat-tbatija mentali tiegħu li damet għal snin u li kienet dovuta għall-attakk tal-1945 bil-bomba atomika’.
Buchel kien f’kamp għall-priġunieri, xi 1.7 kilometri ‘il bogħod minn ground zero meta l-bomba splodiet fuq Nagasaki fid-9 ta’ Awwissu tal-1945. Dakinar kienu mietu aktar minn 70,000 persuna fl-inħawi.
L-Olandiż kien irritorna pajjiżu fl-1950 fejn ma kienx kopert mill-pakkett mediku sħiħ ipprovdut lill-Ġappuniżi li kienu għexu mill-effetti tal-bomba atomika. B’hekk hu baqa’ jgħix bi problemi tas-saħħa li sofra wara li kien espost għar-radjazzjoni waqt l-attakk.
Willy Buchel issa se jirċievi 1.1 miljun yen bħala kumpens – li huma ekwivalenti għal $9,700.
L-attakk fuq Nagasaki segwa l-ewwel azzjoni tal-Amerikani bil-bomba atomika fuq il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima, fejn hu stmat li mietu madwar 140,000 b’effett tal-isplużjoni, jew minn mard relatat għar-radjazzjoni.
Iż-żewġ attakki storiċi fuq il-Ġappun kienu qarrbu l-konklużjoni tal-gwerra fil-Paċifiku, li kien zona ta’ konflitt importanti waqt it-Tieni Gwerra.
//= $special ?>