‘Xiltòn Ħaħóxek’ li bl-Ebrajk tfisser “Is-Setgħa tad-Dlamijiet”, hija l-frażi li ispirat lil 4 Teenth Productions biex għall-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena jippreżentaw walkthrough, li għat-tielet sena konsekuttiva ser tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Festi Esterni ta’ Ħal Qormi u l-Kunsill Lokali fix-xelter ta’ ħdejn il-Knisja ta’ San Ġorġ.
Għall-ewwel darba fl-istorja din is-sena ser ikun hemm taħdit bil-lingwa Ebrajka u Latin. L-awturi qagħdu attenti sabiex jinsġu storja fejn l-udjenza tisma’ lingwa ġdida b’mod li xorta tifhem xi jkun qed jingħad.
Għal din l-innovazzjoni l-awturi ħtiġilhom isibu l-għajnuna ta’ Dr Paul Sciberras – Professur dwar l-istudju bibliku fl-Università ta’ Malta fejn spjega, fiehem u ppronunzja dawn is-siltiet li ser jitgawdew minn min se jattendi.
Nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu, Ħamis ix-Xirka filgħaxija u l-Ġimgħa 25, filgħodu, l-udjenza ser tinżel f’sit storiku li ser jinbidel f’Ġetsemani għal din l-okkażjoni. L-udjenza ser issegwi u tipparteċipa mal-atturi fl-eqqel mumenti li ġraw fl-aħħar lejl u l-aħħar sigħat ta’ Kristu.
Għal din ir-rappreżentazzjoni ntgħażlu atturi stabbiliti fosthom Adrian Azzopardi, Neville Refalo, Mario Aquilina, Jonathan Tonna, Mariella Aquilina flimkien ma’ atturi t’esperjenza li ngħaqdu biex joffru esperjenza unika.
Apparti din il-produzzjoni, 4 Teenth Productions b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martr,i se jerġgħu jingħaqdu flimkien biex iwasslu The Jesus Christ Superstar Show li saret għall-ewwel darba f’Ħal Qormi s-sena li għaddiet. Din kienet ukoll għall-ewwel darba f’Malta li saret f’xelter tal-gwerra.
Xeni u siltiet ġodda se jkunu ppreżentati b’addattament oriġinali li qed isir minn cast li jiġbor fih numru t’atturi magħrufa. Fost dawn insibu lil Clayton Pace, Clint Chircop, Justine Mallan, Jason Curmi, Sandro Vella, Chris Micallef, Mario Camilleri u Emmanuel Barbara.
The Jesus Christ Superstar – Show ser issir fit-23 u l-24 ta’ Marzu b’shows li jsiru kull siegħa mit-8:00 p.m. sal-11:00 p.m. u l-Ġimgħa (nhar il-Ġimgħa l-Kbira) 25 ta’ Marzu ser issir fid-9:00 a.m., fl-10:00 a.m., fil-11:00 a.m. u f’12:00 p.m. Biljetti jistgħu jinkisbu mill-Każin tal-Banda San Ġorġ Martri, Ħal Qormi jew fuq in-numru 79096060.
Il-qligħ mid-donazzjonijiet ser imur għall-karità.
//= $special ?>