Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry qal li se jkunu investigati l-allegati abbużi kollha rigward il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied parzjali fis-Sirja.
Kerry qal li l-Istati Uniti u r-Russja qegħdin jaħdmu fuq mekkaniżmu li jaċċerta li l-attakki mill-ajru li jridu jsiru fuq zoni speċifiċi fis-Sirja jikkonċentraw biss fuq ġellieda tal-ISIS jew tal-grupp al-Nusra, li hu affiljat mal-moviment terroristiku al-Qaeda.
Fl-aħħar sigħat, il-konvojs tal-għajnuna komplew jaslu fiz-zoni assedjati tas-Sirja meta l-ftehim għall-waqfien ta’ vjolenza fl-inħawi Sirjani jidher li qed iżomm fil-parti l-kbira. In-Nazzjonijiet Uniti u s-sieħba qed iżidu t-trasport tal-ikel, l-ilma u l-mediċina, meta dawn il-kunsinni mistennija jaslu għand aktar minn 150,000 Sirjan, fil-jiem li ġejjin.
John Kerry, li kien qed jitkellem f’Washington, fil-preżenza tal-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Frank-Walter Steinmeier, qal li entitajiet responsabbli f’Ġinevra (fl-Iżvizzera) u Amman, il-kapitali tal-Ġordan, għandhom jindagaw dwar ir-rapporti kollha tal-allegati abbużi għall-ftehim fis-Sirja.
Kerry saħaq li l-iskop wara l-impenn għandu jaċċerta li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja, li kien sponsorjat mill-Amerikani u r-Russi, jibqa’ effettiv, filwaqt li jiddefendi kontra l-mezzi u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jdgħajfu dan il-patt.
Filwaqt li n-naħat interessati setgħu tassew abbużaw il-ftehim, Kerry innota li l-ebda azzjoni, s’issa, ma kienet sinjifikanti biżżejjed biex tiftaħ għal kriżi ġdida fis-Sirja.
//= $special ?>