Lokali Parlament

Tliet Ministri ma jweġbux dwar jekk hux se jsir il-Park tal-Familja fil-Qortin

Il-Ministru Konrad Mizzi jgħid li l-Gvern għadu jrid jiddeċiedi dwar l-Għolja tal-Qortin

Tliet Ministri tal-Gvern ta’ Muscat ma weġbux fil-Parlament mistoqsija sempliċi dwar jekk il-Gvern Laburista hux se jwettaq il-pjan li kien inbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista biex l-għolja tal-Qortin, li tħares għal fuq Marsalforn u fejn kien hemm il-miżbla li l-amministrazzjoni preċedenti kienet għalqet, tiġi riabilitata għal park tal-familja kif kien ippjanat u diġà kien beda l-proċess ta’ riabilitazzjoni.

Il-Ministru Anton Refalo, il-Ministru Leo Brincat u fl-aħħar ukoll intervjena l-Ministru Konrad Mizzi, kollha naqsu li jiddikjaraw li dan il-Gvern kompla għaddej bil-pjani tal-Gvern preċedenti biex l-għolja tal-Qortin tiġi riabilitata f’Park għall-Familja.

Il-mistoqsija lill-Gvern tressqet fil-Parlament mill-Oppożizzjoni fil-ħin tal-mistoqsijiet fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija, bix-Shadow Minister Chris Said irrepeta kemm-il darba l-mistoqsija lit-tliet Ministri li qamu jitkellmu, bi Chris Said jappella biex Ministru mit-tliet Minsitri li qamu jirrispondu, jgħid jekk il-ħsieb ta’ dan il-Gvern għadux li l-Għolja tal-Qortin tinbidel f’Park tal-Familja.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex talab biex il-Gvern ikun ċar dwar dak li għandu ppjanat għall-Għolja tal-Qortin wara li fil-Parlament kien żvelat fi tweġiba li kien ingħata mill-Ministru Leo Brincat, li l-Gvern iddeċieda li parti sostanzjali mill-art minn dik li qabel kienet il-miżbla tal-Qortin, kellha tiġi trasferita mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta bil-ħsieb li din tiġi utilizzata għal sistemi fotovoltajċi. Dan seħħ is-sena li għaddiet.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, spjega fis-seduta parlamentari tal-bieraħ, li ma kien hemm ebda trasferiment tal-art, iżda eżerċizzju tad-dritt tal-użu tal-art. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal biss li l-pannelli fuq l-għolja tal-Qortin mhux se jwaqqfu mill-familji milli jagħmlu passiġġati.

Għal dawn it-tweġibiet, ix-Shadow Minister Chris Said irrimarka li l-Ministri ma kinux qed jirrispondu l-mistoqsija tiegħu, u ma kinux qed jgħidu jekk hux se jkun qiegħed isir Park għall-Familji flok il-Miżbla tal-Qortin li ngħalqet seba’ snin ilu u bdiet tkun riabilitata mill-amministrazzjoni preċedenti. Sal-lum diġà tħawlu 23,000 siġra.

Chris Said staqsa wkoll biex xi ħadd mill-Ministri jgħid kemm l-Enemalta ħadet mill-art fil-Qortin, u x’se jsir mit-23,000 siġra li tħawlu la darba jsiru l-pannelli. Kien hawn li l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, qam jitkellem fil-Parlament, u qal li l-Gvern għadu ma ħax deċiżjoni u li għad irid isiru studji dwar ir-riabilitazzjoni taz-zona ta-Qortin.