Lokali

Gvern Nazzjonalista ġdid jinkludi Ministeru għall-Biedja u s-Sajd

Gvern Nazzjonalista jassigura li l-interessi tal-Bdiewa u s-Sajjieda jkunu indirizzati b’tali mod li l-mezz tal-għajxien tagħhom qatt ma jkun mhedded. Gvern Nazzjonalista se jagħmel dan billi jaħtar Ministeru responsabbli speċifikament mill-Biedja u s-Sajd.

Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħat li kellu maż-żewġ Koperattivi tas-Sajd: l-Għaqda Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd.

Matul il-laqgħa mal-Koperattiva Nazzjonali, li tirrapreżenta madwar 95% tas-Sajjieda, il-membri tal-Bord esprimew it-tħassib tagħhom għall-isfidi li jiltaqgħu magħhom f’xogħolhom. Huma qalu li kulma jixtiequ hu li l-awtoritajiet iħalluhom jaħdmu bil-kwiet.

Il-President tal-Koperattiva Nazzjonali Marco Carabott qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed lis-Sajjieda li mhux se jkun Pulizija wara xogħolhom. Madankollu, Marco Carabott kompla li sfortunatament, dik il-wegħda mhux iżommha.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja u s-Sajd Toni Bezzina, qal li irid jara li s-settur tal-Biedja u s-Sajd jibqa’ hemm u li jekk saru xi żbalji mill-amministrazzjoni preċedenti f’dan il-qasam, nirranġaw fuqhom.

Sadanittant, waqt il-laqgħa mal-Għaqda Koperattiva tas- Sajd saret referenza partikolari dwar il-kwistjoni fejn għandu jsir il-‘breakwater’ il-ġdid f’Marsaxlokk. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ li meta kien Membru Parlamentari Ewropew ħadem biex saret il- ‘hardstanding facility’, li tant hi bżonnjuża għas-Sajjieda.

Filwaqt li sostna li din il-laqgħa mhux se tkun l-ewwel u tal-aħħar, Simon Busuttil kompla jispjega kif l-Unjoni Ewropea ġabet regolamenti ġodda li m’għandhomx ikunu stretti li jżommuhom milli jagħmlu xogħolhom. Dan filwaqt li laqa’ l-proposta taghhom li f’pajjizna jkollna kors ghal min jixtieq jispecjalizza fl-industrija tas-sajd.