Lokali

“Hemm bżonn tindifa fl-OPM u l-Kabinett”

“Irridu Gvern nadif, trasparenti u eżemplari. Irridu tindifa tal-OPM u l-Kabinett issa, f’waqtha”.

Hekk sostniet id-deputat indipendenti Marlene Farrugia meta dalgħodu ikkummentat pubblikament fuq is-social media.

Fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, l-eks Deputat Laburista qalet illi l-laburisti ġenwini m’għandhomx iħallu l-Moviment fil-Gvern ikompli jitkisser “minħabba r-rgħiba u l-kapriċċi ta’ erbgħa minn-nies li ħammru wiċċ il-kollegi parlamentari tagħhom”.

Hi saħqet b’mod ċar illi jeħtieġ li llum qabel għada l-Kabinett Laburista u t-tmexxija tal-Partit Laburista titnaddaf minn min abbuż.

“Hemm min hu kapaċi jmexxi dan il-Partit, Gvern u Pajjiz ‘il quddiem fuq il-linji demokratiċi, u trasparenti li wegħdna aħna stess fil-programm elettorali li bih ikkonvincejna lin-nies biex jivvutawlna. Min veru jħobb lill-pajjiż u lill-Moviment Laburista għandu jirrifjuta li jibqa’ parti mill-Kabinett attwali jekk ma jitnaddafx.”

Fi tmiem il-messaġġ tagħha, Marlene Farrugia għamlet appell dirett lid-deputati Laburisti. “Kollegi qumu minn hemm u tibżgħux. Tkellmu fil-miftuħ kif qed tagħmlu fil-maghluq ħalli tassiguraw għal poplu dak li qed jistenna minna lkoll, għax wegħdnihulu”.

Anke l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo b’mod sottili wera’ l-iskumdita’ tiegħu għal dak li ġara, meta fuq Facebook qal:

“Il-mexxejja ta’ ħila politika jiġu u jmorru, jgħaddu u jintnesew, u flokhom jiġu oħrajn, iżda l-prinċipji, il-pedamenti sodi li fuqhom huwa mibni l-Partit tal-Ħaddiema ma jitbiddlux.”

marlene farrugia post facebook