Lokali Parlament

Il-Gvern qed jistieden l-għawġ bit-tneħħija tar-reat ta’ tkasbir u żebliħ insolenti ta’ kull reliġjon

Id-deċiżjoni li l-Gvern iressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi bħala waħda short sighted u perikoluża li dan il-Gvern ħa s’issa

L-Oppożizzjoni sejħet l-emenda fl-Abbozz ta’ Liġi li se tkun qed tneħħi r-reat ta’ vilipendju – ir-reat ta’ tkasbir u żebliħ insolenti tar-reliġjon, hi liema hi dik ir-reliġjon – bħala deċiżjoni mill-Gvern li se tkun qed tistieden l-għawġ.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi spjega fil-Parlament li din il-pożizzjoni mhix qed tesprimiha biss l-Oppożizzjoni li temmen li m’għandux jitneħħa r-reat tal-vilipendju minħabba raġunijiet ta’ tolleranza, rispett u buon ordni.

L-Opożizzjoni se tkun qed tressaq emendi għal dak li qed jipproponi l-Gvern li jneħħi r-reat tal-vilipendju u sejjaħ l-intenzjoni tal-Gvern bħala illoġika b’effetti ħżiena li jbatihom dak li l-aktar hu dgħajjef.

Meta tkellem illejla fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Ministru Owen Bonnici dwar iċ-ċensura, Jason Azzopardi fisser li l-Oppożizzjoni taqbel mal-parti tal-Abbozz li tqis ir-revenge porn bħala delitt, u ma’ artikli oħra fl-Abbozz dwar reati marbuta ma’ pornografija. Mhix taqbel iżda dwar il-proposta tat-tneħħija tad-delitt tal-vilipendju.

Semma l-każ tat-tkissir tal-Kurja fl-1985 u qal li wara din il-liġi li se tkun qed tneħħi l-vilipendju, dak l-għemil ma kienx ikun reat kriminali u għaldaqstant staqsa jekk il-Gvern hux jistieden dan il-provokazzjoni.

Fil-pajjiżi Ewropej ir-reat ta’ vilipendju għadu reat kriminali

Irrimarka wkoll li fi Spanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Fillandja u d-Danimarka r-reat ta’ vilipendju għadu reat kriminali.

Sejjaħ id-deċiżjoni li l-Gvern iressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi bħala waħda short sighted u perikoluża li dan il-Gvern ħa s’issa. “Possibbli li r-raġuni ma tilluminax lil min irid dan l-Abbozz proprju f’dan il-mument tal-istorja tagħna u ta’ madwarna?” staqsa Jason Azzopardi.

Fisser bħala illoġiku u saħansitra nsult li l-Gvern irid ineħħi t-tkasbir u ż-żebliħ insolenti tar-reliġjon, hi liema hi dik ir-reliġjon, mill-Kodiċi Kriminali fejn hemm id-deterrent tiegħu, imma mbagħad jiġġustifika kundanna penali għal min jażżarda jinsolenta lill-Kap tal-Istat jew lill-Prim Ministru, imqar waqt dimostrazzjoni pubblika ta’ protesta, għax dak jibqa’ delitt.

Saħaq li hemm interess soċjali li t-twemmin reliġjuż ikun protett. B’din il-liġi, u dan qaluh ħafna esperti li tkellmu fil-media lokali fl-aħħar xhur, daqshekk ser ikun hemm protezzjoni biex in-nies jipprattikaw it-twemmin tagħhom, hu x’inhu, fil-paċi.
Sejjaħ ukoll dak li jrid jilleġiżla l-Gvern bħala Kontradizzjoni vis-a-vis il-Kostituzzjoni.

Argumenta wkoll li meta xi ħadd juri disprezz lejn il-bandiera Maltija jista’ jmur tliet xhur ħabs, imma jekk turi disprezz lejn xi reliġjon, inkluż dik uffiċjali tar-Repubblika ta’ Malta, ma jiġrilek xejn għax mhux reat.

Meta tratta dak li qed jipproponi f’dan l-Abbozz il-Gvern, politikament ateu, Jason Azzopardi rrifera għal diversi kawżi li trattat il-Kummissjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Irrimarka li bil-ħsibijiet ta’ dan il-Gvern hekk progressiv u liberali, issa nkunu nistgħu npinġu stampi li juru lill-Missier Etern, jew lil Profeta Mohammed, jew lil Rè David jew Mosè għal-Lhud li jkunu jieħdu sehem f’attività sesswali, forsi anke atti perversi, imma ma nistgħux naghmlu l-istess għall-ogħla kariga tal-iStat.
Saħaq li bħalma hu illegali li dan nagħmluh għall-bniedem li jokkupa kariga importanti, kemm aktar m’għandux jitħalla jsir fil-kofront tas-Sinjur Alla jew tal-Profeta Mohammed jew ta’ Marija Santissima?

“Anke min hu ateu jeħtieġ u jistħoqqlu protezzjoni. M’għandux ikun disprezzat, insultat jew imżeblah u għalhekk nemmnu li l-liġi għandha iva tinbidel imma biex ir-reliġjonijiet kollha, inkluż fehmiet atei, għandhom ikollhom l-istess protezzjoni tal-liġi għaliex inkella ma nistgħux ngħixu b’rasna mistrieħa”, qal Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi qal li l-Abbozz li qed iressaq il-Gvern ma jiddefendi ebda dritt, iżda sempliċement joffendi l-emozzjonijiet u sentimenti ta’ bosta ċittadini li jappartjenu għal kultura reliġjuża.

Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament dwar iċ-ċensura biex jaljena lin-nies mill-aħħar skandli tal-Gvern

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kkritika lill-Gvern li qiegħed iressaq issa l-Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament dwar iċ-ċensura, biex jaljena lin-nies mill-aħħar skandli li ħakmu u heżżu mill-qiegħ lil dan il-Gvern.

Filwaqt li saħaq li dan hu tassew Gvern immexxi minn ateiżmu politiku, ix-Shadow Minister staqsa għaliex għall-Gvern, din il-liġi li se jimponi sanzjonijiet kriminali dwar l-instigazzjoni reliġjuża u forom oħra ta’ mibegħda, iżda emendi oħrajn dwar forom ta’ pornografija u indiċenza, hi aktar importanti minn liġijiet oħrajn pendenti u li wħud minnhom ilhom jistennew ħafna.

Semma l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal li ilu pendenti mill-2014, kważi 24 xahar. Staqsa wkoll għaliex mhix importanti aktar li jitressqu emendi fil-Parlament biex jissewwew anomaliji u inġustuzzji li daħħlu fl-1979 u li jibdlu kuntratti ta’ postijiet residenzjali f’kirjiet permanenti meta din qed toħloq tbatija u inċertezza kbira għal mijiet ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Staqsa wkoll ir-raġuni għaliex hi prijorità iktar mil-Ligi biex tġgi emendata l-Ligi tal-1979 li tikkonverti ċerti ċnus fi ċnus perpetwi billi jkunu multiplikati b’sitt darbiet – liema sitwazzjoni llum taffettwa 29 familja f’San Ġiljan li għandhom eviction fuq rashom u wieħed għandu sekwestru li jkopri dak li s-sid qed jippretendi li jħallas backated b’numru ta’ snin.

Il-Gvern mhux jagħti lanqas prijoritajiet lil dak li wiegħed lill-Oppożizzjoni biex ikunu implimentati l-emendi tal-Oppożizzjoni għas-sistema ta’ infurzar lokali.Fisser li l-argument kontra din il-Liġi li qed iressaq f’dan il-mument il-Gvern fil-Parlament, mhuwiex wieħed ispirat biss mir-reliġjon li aħna nħaddnu.

Żgur mhux il-mument għal dan l-Abbozz ta’ Liġi
Spjega l-attakki orribbli ta’ Novembru li għadda fuq Pariġi, il-Gvern kellu jirrealizza li dan żgur mhux il-mument għal dan l-Abbozz għaliex se tistieden konsegwenzi mhux intenzjonati li mbaghad l-iStat ma jkun jista’ jagħmel xejn dwarhom.