Raġel inżamm il-ħabs illum minħabba żball fil-verżjoni stampata tas-sentenza li ngħatat mill-Qorti. Fil-verżjoni stampata ngħad li l-libertà proviżorja kienet revokata meta fil-fatt ma kinitx.
L-avukat Veronique Dalli lmentat mal-Maġistrat Aaron Bugeja hekk kif saħqet li s-sitwazzjoni ta’ sentenzi differenti, bejn dik mogħtija verbalment fil-Qorti u dik stampata iktar tard, qed twassal għal stat ta’ paranoja bl-avukati jitolbu lill-ġudikatura, kopja tas-sentenzi dak il-ħin stess biex iqabbluhom ma’ dawk mogħtija bil-fomm fl-awla tal-Qorti.
L-avukat kienet qed titkellem wara li żagħżugħ ta’ 18-il sena, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, inżamm il-ħabs minkejja li serva l-ġimgħatejn priġunerija li kellu jservi bħala kastig talli kiser il-kundizzjonijiet tiegħu ta’ libertà proviżorja.
Iż-żagħżugħ kien ġie arrestat fl-14 ta’ Frar u, fuq sentenza tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kellu jservi sat-28 ta’ Frar. Fil-verżjoni stampata tas-sentenza però żdiedet linja bi żball li kienet tgħid li l-libertà kundizzjoni tiegħu kienet ġiet revokata. B’hekk, minkejja li ż-żagħżugħ skonta l-ġimgħatejn priġunerija skont kif kien intqal fil-Qorti, id-Direttur tal-Ħabs ma rrilaxxahx minħabba l-verżjoni tas-sentenza li kellu f’idejh.
Il-Qorti iktar tard ordnat li s-sentenza valida hi dik miktuba bl-idejn u mogħtija bil-fomm mill-Maġistrat Stafrace Zammit fl-awla tal-Qorti u għalhekk iż-żagħżugħ inħeles mill-ħabs.
//= $special ?>
