Waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon nazzjonali, d-Deputat Mexxej Laburista u l-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ammetta li kien Keith Schembri, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ħajjru jiftaħ il-kumpanija sigrieta fil-Panama u t-trust fi New Zealand. Konrad Mizzi qal li hu u Keith Schembri kellhom diskursata li matulha, l-id il-leminija ta’ Muscat spjegalu kif jista’ jagħmel biex jiftaħ kampanja sigrieta fil-Panama u trust fi New Zealand. Dan jista’ jitqies bħala żvilupp ġdid f’dan l-iskandlu, hekk kif minn kliemu, Konrad Mizzi jidher li qed jitfa’ t-tort ta’ dak li għamel fuq Keith Schembri, għaliex kien hu li ħajru biex jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
Konrad Mizzi kompla bid-difiża tiegħu fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama li kemm hu u anke Keith Schembri nqabdu li għandhom. Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda b’mod assolut lil Konrad Mizzi u qal li ma fiha xejn ħażin li Ministru tal-Gvern li mexxa l-akbar deals f’din il-leġiżlatura fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama waqt li hu Ministru. Minn naħa l-oħra, sa issa, Joseph Muscat għażel li jaħrab kull mistoqsija li saritlu dwar l-id il-leminija tiegħu, Keith Schembri.
L-allegazzjonijiet li sa issa ma ġewx miċħuda huma li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu l-kumpanija sigrieta fil-Panama fl-istess żmien li marru ma’ Joseph Muscat fl-Ażerbajġan jinnegozjaw ix-xiri taż-żejt mal-President tal-Ażerbajġan Aliyev.
Wara li ġie żvelat dan l-iskandlu, l-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jorganizza Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni nhar il-Ħadd li ġej fit-3:00pm li titlaq minn Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta.
//= $special ?>