Lokali

L-ISKANDLU TAL-KUMPANIJI SIGRIETI FIL-PANAMA: Fatti serji li Muscat ma jistax ikompli jaħrab minnhom

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax ikompli jaħrab mill-aħħar fatti fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, fejn sa issa ġie kkonfermat li kemm il-Ministru magħżul biex imexxi l-Ministri l-oħra Konrad Mizzi u l-id il-leminija u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami sostna li l-fatti f’dan l-iskandlu huma dawn, li l-Ministru magħżul biex imexxi l-Ministri l-oħra Konrad Mizzi u l-id il-leminija ta’ Muscat Keith Schembri:
• fetħu kumpaniji sigrieti kemm ilhom fil-Gvern;
• fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama;
• użaw l-istess konsulent finanzjarju f’Malta;
• użaw l-istess konsulent finanzjarju barra minn Malta;
• marru bil-moħbi, flimkien ma’ Joseph Muscat, l-Ażerbajġan f’Diċembru 2014;
• fl-Ażerbajġan innegozjaw bil-moħbi kuntratti ta’ xiri ta’ żejt
• l-hedging li sar mal-Ażerbajġan bl-indħil dirett ta’ Konrad Mizzi wassal għal $14-il miljun dollaru telf, kif ikkonfermat mill-Awditur Ġenerali, mill-poplu Malti u Għawdxi

Beppe Fenech Adami qal li kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri fetħu kumpaniji sigrieti fl-istess post, fl-istess żmien, bl-istess nies. “Issa, wara li nqabdu, l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat qed jipruvaw ibellgħuha lil kulħadd li ħolqu dawn il-kumpaniji sigrieti biex iżommuhom f’vojta. Għidli min se jemminhom,” qal Beppe Fenech Adami. Hu fakkar li minn meta Konrad Mizzi u Keith Schembri bdew imexxu l-Gvern, huma kienu responsabbli għal:
• L-għażla tal-konsorzju Electrogas li se jibni powerstation li tiswa mal-€450m
• Il-garanzija ta’ €380 miljun li l-Gvern ta lill-Electrogas
• Il-bejgħ tal-Enemalta,
• Il-bejgħ tal-power station BWSC;
• Il-bejgħ ta’ artijiet kbar ta’ l-Enemalta;
• Il-kuntratti tax-xiri taż-żejt;
• Il-kuntratti tal-hedging mas-SOCAR;
• Il-bejgħ tal-isptar ta’ Għawdex, tal-isptar St Lukes u tal-isptar Karin Grech.

Minn naħa tiegħu, l-President tal-Kunsill Amministrattiv u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Karol Aquilina qal li Keith Schembri għandu, b’mod immedjat, jgħid x’jisimha u x’inhu l-indirizz reġistrat tal-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama.

Karol Aquilina qal li l-poplu Malti u Għawdxi jinsab iddiżgustat u rrabjat mhux biss għall-Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda b’mod speċjali għar-reazzjoni sfaċċata tal-Prim Ministru li jmeri s-sewwa magħruf u jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Hu ħeġġeġ lil kull min hu ta’ rieda tajba u jrid jiġġieled il-korruzzjoni u jaħdem favur politika nadifa, biex nhar il-Ħadd jingħaqad fil-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni li se tibda minn Pjazza Kastilja fit-15:00 fil-Belt Valletta.