Raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin biex jaffaċċja akkużi ta’ theddid u mibgħeda razzjali lejn mara u binha, li għadu tarbija.
Il-każ seħħ f’Diċembru li għadda meta fuq Facebook, ir-raġel uża profil falz biex ripetutament bagħat ritratti lill-mara fejn iddeskriva lit-tifel bħala “xadin” u “ħaġa kerha”, fost sensiela ta’ kummenti oħra.
F’episodju minnhom, ir-raġel bagħat ritratti ta’ xadina żgħira lill-mara, u qalilha li jekk tlibbisha nuċċali “tiġi tixbah lil dak li diġa’ għandek.” Dan filwaqt li pprova jagħmel tag tal-kelma ‘monkey!!!’ fuq ritratt ta’ binha, għaliex għandu ġilda skura.
Bagħtilha wkoll ritratt ieħor ta’ xadina u qalilha biex “trabbieh. Tħobbhom int. Imdorrija magħhom,” filwaqt li kompla joffendiha għas-sempliċi raġuni li tinsab f’relazzjoni ma’ raġel Afrikan b’ġilda skura. Iżda r-raġel, li mingħalih ma kienx se jinqabad għax kien qed juża profil falz, saħansitra hedded lill-mara u qalilha li dalwaqt tkun taf min hu.
“L-ewwel li jsir jafni dak ix-xadin li għandek bin-nuċċali tax-xemx,. Dal-ħaġa kerha jarani l-ewwel, imbagħad tkun taf min jien,” qalilha r-raġel, filwaqt li bagħtilha ritratt ta’ binha.
Kien hawn li l-mara rrapurtat lill-Pulizija li bdew l-investigazzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ tracking tal-IP address tiegħu, il-Pulizija rnexxielhom jiżvelaw l-identita’ vera tal-persuna li kien qed imexxi l-profil falz.
//= $special ?>