Il-Parlament japprova b’mod unanimu mill-istadu tat-Tieni Qari Abbozz ta’ Liġi b’relevanza ambjentali, ekonomika u soċjali u b’timbru b’saħħtu fuq il-governanza tajba fuq il-proprjetà pubblika
Il-Parlament approva b’mod unanimu Abbozz ta’ Liġi, imressaq mill-Oppożizzjoni, b’relevanza ambjenatli, ekonomika u soċjali għax jagħti timbru b’saħħtu fuq il-governanza tajba fuq il-proprjetà pubblika għal għada aħjar mil-lum.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi sejjaħ id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni bħala importanti għaliex ukoll, ħlief għal xi eċċezzjonijet, tħalliet il-politika partiġjana u l-battuti politiċi fid-diskussjoni.
Fakkar ukoll kif meta bħala Ministru, fl-aħħar tal-amministrazzjoni preċedenti kien ressaq White Paper u dan l-Abbozz ta’ Liġi, kien hemm il-kunsens tal-NGOs kollha.
Irrifera, u kkwota minn diversi ġurnali, għar-reazzjoni pożittiva li kien hemm fil-media għal dan l-abbozz ta’ liġi u għall-inizjattiva li kienet ittieħdet dwar l-amministrazzoni tal-proprjetà pubblika u għall-protezzjoni ogħla tal-wirt storiku, naturali u kulturali.
Jason Azzopardi qal li l-Abbozz ta’ Liġi jirregola l-proprjetà pubblika li qiegħda f’idejn il-Gvern bħala stat sovran u li jixirqilha l-aħjar forma ta’ protezzjoni.
Liġi proposta mill-Oppożizzjoni għal għada aħjar mil-lum. Biex ikunu protetti bl-aħjar mod il-wirt naturali u storiku tagħna mhux biss għalina iżda għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Id-drittijiet tal-privat mhux se jintmissu
Dan hu dak li hu innovattv u rivoluzzjonarju. Għall-ewwel darba l-Gvern se jkollu obbligu li jħares dan il-wirt. Liġi li tidħol f’dettal biex tagħmiha ċara li d-drittijiet tal-privat u li qegħdin f’idejn il-privat, mhux se jintmissu għaliex din hi liġi li tapplika minn meta tiġi fis-seħħ għall-ġejjieni biss.
Għaldaqstant kull min għandu interess jew dritt privat li akkwista b’mod validu u legali, m’għandux għalfejn jinkwieta. Dan hu mħares mil-liġi stess li titkellem ċar dwar dan.
Kritika ta’ membru tal-Gvern li tistona
Għall-kritika ta’ membru tal-Gvern li b’din il-liġi “ma skoprejniex l-Amerka”, Jason Azzopardi rrimarka li filwaqt li dan jistona mad-dibattitu f’din il-Kamra u mal-istess kelliema tal-Gvern, jistona aktar ma’ dak li qed jingħad fil-media, b’opinjonisti u wkoll Din l-Art Ħelwa din il-ġimgħa jgħidu li dan hu pass ta’ ġgant ‘il quddiem.
Fisser ukoll kif din il-liġi qed jitkisser il-prinċipju li l-istat għandu aktar minn obbligi li għandu sid ta’ proprjetà għaliex il-Gvern m’għandux dan id-dritt li jkisser dak li hu tiegħu bħalma jista’ jagmel il-privat. Iżda għax hu fiduċjarju għandu l-obbligu li jħares u jissalvagwardja l-wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Abbozz ta’ Liġi wkoll li qed jagħti liġijiet aktar b’saħħithom fuq ir-regolamentazzjoni ta’ oqsma bħalma huma yacht marinas u wind farms. Liġi li tista’ tagħmel ipoteka fil-baħar u għalhekk hu rivoluzzjonarju.
Trasparenza bla preċedent
Abbozz ta’ liġi li jdaħħal id-differenza bejn proprjetà pubblika u propjetà li hi sagra minħabba l-importanza tagħha. Abbozz li jdaħħal ukoll it-trasparenza għaliex kull encroachment kemm jekk ġdid kif ukoll jekk jiġġedded, se jkun hemm reġistru b’aċċess ukoll lill-pubbliku. Din hi trasparenza bla preċedent.
Irrimarka dwar dak li qal id-Deputat Laburista Godfey Farrugia li din hi liġi li tagħmilna kburin li aħna Maltin, b’Jason Azzopardi jgħid li ma setax intagħżel kliem aħjar minn dan biex jiddeskrivi din il-liġi.
Timbru b’saħħtu fuq il-governanza tajba fuq il-proprjetà pubblika
Liġi b’relevanza ambjenatli, ekonomika u soċjalil għax qed nagħtu timbru b’saħħtu fuq il-governanza tajba fuq il-proprjetà pubblika. Liġi li se tkun qed tikkoordina l-liġijiet ta’ pajjiżna b’mod ċar. Fisser li hu ta’ sodisfazzjoni li l-Kamra qed tapprova b’unanimità.
Appella biex il-liġi tiġi mħaddma b’mod korrett għall-ġid ta’ kulħadd biex inkunu qed nagħmlu qabża kbira fil-kwalità, u nagħmlu għada aħjar mil-lum.
Wara li l-Abbozz ta’ Liġi kien approvat b’mod unanimu, il-Parlament issa se jiddiskuti fid-dettal dan l-Abbozz fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġijiet.
//= $special ?>