Lokali

Missirijiet għandhom rwol importanti għal uliedhom bniet – Il-Kunsill tan-Nisa

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa appella biex tonqos id-differenza fir-rappreżentazzjoni tal-mara fis-soċjetà.

B’riflessjoni fuq it-tema tan-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena, Planet 50-50 by 2030: Step it up for Gender Equality. Achieving Parity by 2030, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ħeġġeġ edukazzjoni ikbar għan-nisa u twemmin ikbar li mara tista’ tasal f’oqsma mhux daqstant tradizzjonali.

Mary Gaerty, il-President tal-Kunsill tan-Nisa, qalet li filwaqt li s-sena 2030 hi biss 14-il sena bogħod, hu stmat li jeħtieġu 50 sena biex l-iżviluppi ta’ bħalissa jaslu għall-miri stabbiliti.

Appellat għall-edukazzjoni biex il-mara tifhem kif deċiżjonijiet jaffettwaw lilha u lill-familja tagħha, illum u għada, u biex il-mara tkun tista’ tiġġenera soċjetà aħjar peress li hi l-ewwel edukatriċi fil-familja.

B’mod konkret, appellat biex is-soċjetà titbiegħed milli tindirizza suġġetti partikolari fl-iskola bħala tas-subien jew tal-bniet u b’konsengwenza t’hekk, anke opportunitajiet ta’ karrieri.

Il-Kunsill tan-Nisa saħaq li l-missirijiet għandhom rwol importanti x’jagħmlu fil-konfront ta’ uliedhom bniet, billi jemmnu fil-potenzjal tagħhom u jinkoraġġuhom biex b’hekk binthom tkun suċċess f’dak li tiddeċiedi li tagħmel. Il-Kunsill qal li anke l-persuna li l-mara tiddeċiedi li taqsam il-futur magħha, bħal żewġha, għandhom l-istess rwol importanti għal meta t-tifla tikber.

Il-Kunsill tan-Nisa ħeġġeġ lill-Gvern u lis-soċjetà biex jikkonsolidaw id-determinazzjoni li jżidu l-persentaġġ ta’ iktar rappreżentanza tal-mara, biex jintlaħqu l-miri stabbiliti imma, iktar minn hekk, biex ma jibqax jinħela l-potenzjal tal-kontribut tal-mara f’livell lokali u internazzjonali.