Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieħu azzjoni, iwettaq reshuffle u jneħħi l-elementi mill-uffiċċju tiegħu li qed jagħmlu ħsara lilu u lil pajjiżna bl-iskandli kontinwi li qed jiġu żvelati.
Kliem id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia li l-Erbgħa filgħaxija kienet mistiedna waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad.
“Muscat għandu bżonn jagħmel reshusffle, inaqqi mill-Kabinett lil min qed jagħmel għajb lill-membri l-oħra u jħammrilhom wiċċhom b’dak li jagħmel, inaddaf l-elementi fl-OPM li wkoll mhux jaġixxu kif wieħed jsitenna u b’hekk jagħti tama lin-nies li se jtihom dak il-Gvern li tellgħu,” qalet Farrugia.
Filwaqt li rreferiet għall-iskandlu ta’ Konrad Mizzi, Ministru ewlieni ta’ Muscat u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista li fetaħ kumpanija fil-Panama, hi għamlitha ċara li l-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni.
“Nifhem ir-reazzjon tal-Prim Ministru li jipprova jwitti jew iraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar wara aġir simili tas-Super Ministru tiegħu,” qalet Marlene Farrugia, “iżda issa li nafu meta nfetħet u dak kollu li ġara minn dakinhar, nippretendi li l-Prim Ministru jaġixxi differenti.”
Fissret bħala inaċċettabbli l-mod kif il-Ministru Konrad Mizzi pprova jiddefendi lilu nnifsu wara li nqabad li għandu din il-kumpanija. Qalet li l-problema li fetaħha, u inutli jipprova jitratta lin-nies bħala injoranti meta jgħidilhom li issa se jagħlaqha.
“Tweġġgħani li jitrattaw lill-elettorat bħallikieku kien xi mazzun, injorant jew m’għandux aċċess għall-informazzjoni,” saħqet Marlene Farrugia filwaqt li wriet id-dispjaċir tagħha għall-aġir “dispreġjattiv lejn l-elettorat meta jaf li l-esperti kollha qablu li mhux se nkunu nafu x’ġara evrament, anke’ jekk isir audit.”
Stqarret ukoll li kontroversja bħal din, li rat Ministru tal-Gvern jiftaħ kumpanija f’pajjiż magħruf li jiġi użat għall-ħabi ta’ flus miksuba b’mod illeċitu, ma tagħmilx ġieħ lir-reputazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.
“Nistenna minn Ministru ta’ Malta li għalliqnas ikollu responsabiltà bażika li jkun infurmat biżżejjed u jaf li kumpanija fil-ġurisdikazzjoni tal-Panama se tħammar wiċċu stess, lill-gvern u lil Malta,” qalet Farrugia.
Matul il-programm hi qalet ukoll li ma kelliex għażla oħra ħlief li tirriżenja mill-Partit Laburista hekk kif kienet qed tintalab taqbel mal-bejgħ ta’ propjeta nazzjonali mingħajr dettalji, inkella tivvota favur il-qerda tal-ambjent.
//= $special ?>