Il-kwistjoni dwar l-iskola primarja ġdida li l-Gvern irid jibni fl-uniku spazju miftuħ li fadal fil-qalba tar-Rabat Għawdex ħadet żvolta ġdida hekk kif madwar 150 resident tal-belt kapitali Għawdxija bagħtu petizzjoni lill-Ministru tal-Edukazzjoni joġġezzjonaw bil-qawwa għal din il-proposta.
Ir-residenti Rabtin irreferew għall-proposta li tinbena skola primarja ġdida fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex li tieħu post dik fi Triq Vajrinġa fis-sit fejn illum hemm il-grawnd tal-futbol ‘Leli Farrugia’ proprju fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.
Dan is-sit, li llum qed jintuża bħala parkeġġ, jinsab biswit il-ġonna tal-Villa Rundle u l-playing field il-ġdida li proprju bħalissa għaddej xogħol fuqha bl-iskop li spazju mitluq jinbidel f’post ta’ rikreazzjoni. Maġenb dawn kollha hemm ukoll il-venda tal-karozzi tal-linja.
L-argument prinċipali ta’ dawk li ffirmaw il-petizzjoni jikkonċerna l-konġestjoni kbira tat-traffiku li dan il-proġett se joħloq madwar l-uniku spazju miftuħ li fadal fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex, sew fl-istadju ta’ kostruzzjoni imma wkoll wara, meta l-iskola tkun lesta u tkun bdiet tiffunzjona.
Fuq kollox, issemmi l-petizzjoni, dan se joħloq problemi ġodda għas-saħħa bl-impatt ambjentali u t-tniġġis tal-arja li kull traffiku eċċessiv iġib miegħu u li hu marbut ma’ ċertu mard, tant li mal-petizzjoni kienu annessi wkoll siltiet minn seba’ studji xjentifiċi internazzjonali li jixhdu dan.
Aktar minn kull ħaġa oħra, sitwazzjoni bħal din żgur ma tkunx ideali għat-tfal tal-iskola nfushom, aktar u aktar minħabba li dan is-sit diġà hu magħruf għall-volum qawwi ta’ karozzi, trakkijiet, karozzi tal-linja u kull xorta ta’ vetturi oħra li jgħaddu regolarment mit-toroq ta’ dawn l-inħawi.
Anke l-ġonna tal-Villa Rundle jieħdu daqqa għax il-bini tal-iskola jnaqqas l-ammont u l-intensità tar-raġġi tax-xemx li jgawdi dan il-ġnien pubbliku, speċjalment fix-xhur tax-xitwa.
Dawk li ffirmaw il-petizzjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ skola primarja ġdida flok dik eżistenti li llum tinsab fi Triq Vajrinġa, imma jsostnu li aktar żvilupp fiċ-ċentru tal-belt ma jagħmilx sens, speċjalment meta jeżistu alternattivi li ma jiswewx spiża kbira lill-Gvern.
Huma jgħidu ċar u tond li post l-iskola primarja l-ġdida hu fiz-zona ta’ Triq Fortunato Mizzi u Triq l-Ewropa li ilha għal għexieren ta’ snin identifikata bħala sit li jospita l-iskejjel pubbliċi ta’ Għawdex.
F’dan il-post diġà hemm l-iskejjel statali l-oħrajn ta’ Għawdex, jiġifieri l-iskola sekondarja tas-subien ‘Ninu Cremona’ f’kumpless ġdid li nbena mill-Gvern Nazzjonalista u l-iskola sekondarja tal-bniet ‘Agius de Soldanis’ li l-ħsieb hu li fi ftit tas-snin oħra timxi wkoll fil-kumpless il-ġdid li hu kbir biżżejjed biex jospita skola sekondarja waħda mħallta. Hemm ukoll il-bini vojt ta’ dak li kien il-liċeo tas-subien qabel u li llum hu okkupat minn Heritage Malta.
Il-petizzjoni tfakkar ukoll li proprju f’nofs dawn l-istess inħawi hemm ukoll il-Gozo Sports Complex u dalwaqt se tinbena wkoll pixxina sportiva. B’hekk kollox jinsab ikkonċentrat f’post wieħed, kif dejjem kien il-ħsieb, b’faċilitajiet tat-toroq anċillari u b’arranġamenti apposta li ma jtellfu fl-ebda ħin lit-traffiku l-ieħor waqt il-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti.
Għaldaqstant, tgħid il-petizzjoni, wieħed ma jifhimx kif bi skola vojta u oħra li dalwaqt tkun vakata f’dawn l-istess inħawi – li t-tnejn li huma jistgħu jiġu modernizzati għal spiża ferm inqas – il-Gvern jagħżel li jidħol għal investiment qawwi biex jibni skola ġdida flok pitch tal-futbol fiċ-ċentru tar-Rabat, minflok jagħmel użu mill-binjiet eżistenti. Dwar il-grawnd tal-futbol, l-istess petizzjoni tissuġġerixxi li dan ma jibqax jintuża bħala parkeġġ imma jerġa’ jibda jintuża kif kien oriġinarjament billi jinbidel f’faċilità tas-seven-a-side li tkun state of the art b’parkeġġ taħtu, inkella jiġi żviluppat bħala kontinwazzjoni tal-ġnien pubbliku li hemm fl-istess post b’faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art.
Fid-dawl ta’ dan kollu, dawk li ffirmaw il-petizzjoni jirrakkomandaw li l-iskola primarja eżistenti fi Triq Vajrinġa tiġi allokata lil Heritage Malta li tista’ tkun akkomodata wkoll fiċ-Ċittadella, u l-liċeo l-antik li llum jinsab f’idejn din l-aġenzija jinbidel fi skola primarja ġdida. Bħala alternattiva se jkun hemm ukoll, dalwaqt, il-binja tal-iskola sekondarja tal-bniet meta din tiżvojta wkoll fi ftit snin oħra.
Minbarra lill-Ministru Evarist Bartolo, il-petizzjoni, li għandha fuqha l-firma ta’ aktar minn 150 persuna, intbagħtet lil numru kbir ta’ Ministri oħra tal-Gvern, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lid-deputati Għawdxin kollha fosthom lix-Shadow Minister għal Għawdex. Intbagħtet ukoll lis-Sindku tar-Rabat, lill-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, lill-Kummissarju għat-Tfal, lill-President tal-MUT, lill-Kap tal-Iskola Primarja tal-Gvern f’Għawdex u anke lill-membri tal-Kunsill Skolastiku tal-istess skola.
//= $special ?>