Futbol Sport

Possibiltà ta’ rekord għal Manchester United

Manchester United jinsabu viċin li jsiru l-ewwel klabb li jiskorja l-1000 gowl f’darhom fil-Premiership Ingliż. Ir-rebħa li t-tim ta’ van Gaal għamel fuq Arsenal fl-aħħar partita fissru li b’kollox ir-Red Devils skorjaw 998 gowl f’456 partita f’Old Trafford u llejla jistgħu jilħqu dan it-tragward kontra Watford.

United kienu mistennija li jilħqu dan it-tragward aktar kmieni dan l-istaġun iżda skorjaw anqas gowls mis-soltu. Huma skorjaw 18-il gowl biss fi 13-il partita dan l-istaġun, u naqqsu li jiskorjaw f’ħames partiti f’darhom.

L-internazzjonali Ingliż Wayne Rooney hu l-aktar plejer ta’ United li skorjaw fl-era tal-Premiership. Rooney, li bħalissa jinsab mweġġa’, skorja 99 gowl f’181 partita f’Old Trafford filwaqt li fit-tieni post hemm Paul Scholes li skorja 59 gowl.

Wara United, l-aktar klabb viċin li jilħaq l-1000 gowl fil-grawnd tagħhom huma Arsenal li s’issa skorjaw 911-il gowl minkejja li dawn il-gowls huma maqsuma fil-grawnd l-antik ta’ Highbury u l-Emirates Stadium. Chelsea jinsabu fit-tielet post b’893 gowl skorjat ġewwa Stamford Bridge.