BLOGS

Prassi ta’ Arroganza

Ma hix l-intenzjoni tiegħi li nagħti l-opinjoni tiegħi dwar l-aħħar u possibbilment il-qofol tal-iskandli kollha tal-Gvern għaliex inkun qiegħed litteralment inżid ma’ Litanija ta’ opinjonijiet u editorjali li lkoll jikkonfermaw kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa biss immexxi lejn direzzjoni waħda: dik korrotta. Madankollu, hija l-intenzjoni tiegħi li nħares lejn dan l-aħħar skandlu minn perspettiva etika, prattika li għal dan il-Gvern ma għandha l-ebda sens ta’ virtù.

Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Partit Laburista nieda ‘roadmap’ li kienet imfassla fuq 25 sena – ftit ‘l hawn u ftit ‘l hemm – ta’ Oppożizzjoni medjokri għal kollox, li tkopri viżjoni ta’ Partit li wiegħed bidla fid-direzzjoni politika tal-pajjiż, jekk xejn, mil-lat ta’ etika: fejn dak li kien isir u li skont Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien kollu ħażin u dak li jibda jsir jekk kemm-il darba jitla’ l-Labour fil-Gvern jinbidel fi prassi korretti. Il-kritika ħarxa li l-Oppożizzjoni Laburista kienet ta’ kull darba titmasħan dwarha kienet il-famuża ‘arroganza’ li ħammġet, b’ intenzjoni maħduma mill-kwartieri Laburista, lill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Għaldaqstant, Joseph Muscat, wiegħed Gvern li ma jħallix is-suċċess ta’ 36,000 vot differenza jitlagħlu għal rasu.

Il-prassi ta’ dan il-Gvern sa mill-ewwel ftit ġimgħat kienu fid-dieher, esposti quddiem il-pubbliku meta faqqa’ l-iskandlu tal-Cafe Premier, skandlu li sal-lum nafu ħafna imma aktarx bqajna, jekk qatt, ma nafux id-dettalji kollha; dettalji korrotti ta’ Gvern li sa mill-bidu wera li jekk qatt xi darba fehem sewwa xi tfisser il-kelma ‘arroganza’ waqt il-leġiżlatura preċedenti, fehma biżżejjed u żżejjed tant li bena t-tifsila politika tiegħu proprju fuq l-estimi tagħha. Minn hemm ‘il quddiem, l-Istorja rrepetiet ruħha b’lista li dakkret skandlu minn ieħor, deċiżjonijiet bla skrupli, serq ta’ flus minn fuq dahar il-poplu li fi tliet snin ra l-akbar żidiet ta’ faqar biex igawdu l-esponenti tal-Labour, prattiċi antitrasparenti u minjiera ta’ azzjonijiet li lkoll jaqgħu taħt it-timbru espliċitu li jimmarka Gvern Laburista: ‘arroganza’.

Hekk kif matul dawn l-aħħar jiem bdiet ħierġa l-informazzjoni dwar il-kumpanija-qoxra u l-kont (trust) li d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista u Ministru tal-aktar ministeri li jmissu ma’ kuntratti mlaħħma Konrad Mizzi, il-midja lokali xegħlet b’aħbar li tilħaq il-qofol tal-iskandli l-kbar tal-Gvern, il-qofol għaliex jista’ jagħti l-każ li hemm ġustifikazzjoni valida tassew għal fejn qed imorru miljuni ta’ flus li l-Ministru nnifsu, flimkien mal-Prim Ministru u l-ftit ta’ madwaru jridu jerfgħu responsabbiltà għalihom, miljuni li jammontaw bil-wisq aktar mill-€500 fil-ġimgħa li għalihom il-Gvern ta’ Gonzi tlaqqam ‘arroganti’ – minkejja li xorta ma nasalx niġġustifakhom – u li għalihom qiegħed iwieġeb poplu Malti li nqabad f’xibka minsuġa minn Gvern korrott li jqis biss l-interessi personali tiegħu, f’Malta u issa wkoll, lil hinn minn xtutna.

Meta nanalizzaw u nixtarru l-fatti kollha – jew tal-anqas dawk li nqabdu u dehru fil-midja lokali – nibdew naslu għal ċerti konklużjonijiet, li jekk xejn, etikament huma prassi korrotti u li jmorru kontra kull diplomazija mistennija minn Gvern demokratiku – u l-Ministri tiegħu – li għandu obbligu sagrosant lejn it-trasparenza mhux biss għaliex aħna pajjiż fi ħdan l-Unjoni Ewropea imma għaliex pajjiżna ma jikkwalifikax ma’ pajjiżi korrotti bħall-Panama, pajjiż in-naħa l-oħra tad-dinja fejn minkejja kull tentattiv, id-dnub xorta ma jorqodx. L-etika politika, irrispettivament l-argumenti legali u mhumiex; irrispettivament l-assi ddikjarati quddiem parlament-filtru jew le, ma tippermetti lill-ebda Ministru ta’ Gvern jiftaħ kumpaniji u kontijiet f’pajjiż – kwalunkwe pajjiż, aħseb u ara f’wieħed li huwa fost l-aktar korrotti u msemmi għall-ħasil ta’ flus fejn negozjanti rinomati għat-traffikar tad-droga jfittxu l-protezzjoni – waqt li jkun jagħmel parti integrali f’kabinett.

L-aħbarijiet minnbarra li kkonċentraw appuntu fuq dan il-ksur sfaċċat tal-etika politika, qabdu ġustament ukoll mat-tarf l-ieħor: il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru kien ġiegħel lid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament jirreżenja fuq rimarka rigward il-ġudikatura ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni ġenerali, neħħa lill-Ministru Manuel Mallia li gideb lill-pubbliku, imma jiddefendi lill-Ministru u Deputat Mexxej Konrad Mizzi. Il-mistoqsija toħroġ waħedha: għaliex? Il-fatt li kien Joseph Muscat innifsu li talab lid-delegati Laburisti japprovaw bidla fl-istatut tal-Partit sabiex iqiegħed lil Mizzi bħala Deputat Mexxej, il-fatt li ma ġġustifikax l-azzjonijiet tal-Ministru billi talbu jirtira n-nomina tiegħu għall-Deputat Mexxej meta ħarġet l-informazzjoni dwar il-kumpanijia ta’ Mizzi sewwasew lejlet l-elezzjoni interna, huma prassi konfermati ta’ Gvern li huwa etikament arroganti quddiem il-poplu li tah ir-riedni.

Jekk kliem Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali kien donnu qiegħed ipinġi idea ta’ ‘polis’ li skont Aristotli tiġma’ dik l-organizzazzjoni li fiha l-bniedem jgħix f’armonija flimkien għall-ġid komuni, illum, fl-istess kliem nistgħu ninnuttaw traċċi tal-argumenti ta’ Hobbes li jxejjen dan waqt li jafferma li min-natura tiegħu l-bniedem huwa egoist u antisoċjali u li dejjem ifisser l-interessi personali tiegħu.

Dan tal-aħħar, jikkaratterizza espliċitament il-Gvern ta’ Muscat li huwa l-awtur tal-ksur etiku ta’ politika li llum tikkonferma verament it-tifsira ta’ ‘arroganza’, il-Partit Laburista fil-Gvern.

Verżjoni ta’ din l-Opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 2 ta’ Marzu 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-8 Distrett.