L-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati bi kritika għall-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Ministru Owen Bonnici dwar il-ħatriet fil-Ġudikatura kienet kundanna ċara għal dak li għamel Owen Bonnici fl-aħħar jiem, b’mod speċjali fil-kontroversja tal-ħatriet tal-Maġistrati li jiksru l-Kostituzzjoni.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha nnota kif madankollu, filwaqt li l-media kollha rrappurtat din l-istqarrija bl-istess mod, jiġifieri li l-Abbozz ta’ Liġi mhux aċċettabbli qabel ma jinbidel, ix-Xandir tal-Istat irrapporta din l-aħbar bil-kontra. Tant hu hekk li ntuża’ wkoll titlu b’tifħir għall-Gvern.
Il-PBS, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jidher ċar li qed jitmexxa direttament minn Kastilja, tilef kull sens ta’ mistħija, tant li spiċċa iżolat fil-mod kif jirrapporta l-aħbarijiet, tenna l-Partit Nazzjonalista, li kkundanna wkoll dan l-aġir tax-Xandir tal-Istat.