Internazzjonali

It-tluq tar-Renju Unit mill-UE iħalli ‘l-konsegwenzi’

Il-President Franċiż Francois Hollande irid li r-Renju Unit ikompli fl-Unjoni Ewropea u wissa dwar ‘konsegwenzi’ għall-immigrazzjoni u l-ekonomija f’każ li l-Britanniċi ma jkomplux fi ħdan il-grupp ta’ pajjiżi.

Hollande u l-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron iltaqgħu, f’Amiens, għal taħditiet dwar l-immigrazzjoni u s-sigurtà u għall-ewwel summit bejn ir-Renju Unit u Franza mindu, f’Novembru, seħħew l-attakki terroristiċi tal-ISIS, f’Pariġi, li ħallew 130 mejtin u mijiet ta’ midruba.

Intant, Hollande sostna li kieku r-Renju Unit iħalli l-UE, dan ix-xenarju jkollu impatt ‘fuq il-mod kif Franza u r-Renju Unit jieħdu ħsieb sitwazzjoni f’termini ta’ immigrazzjoni’.

Cameron ħabbar li se jingħataw mas-17-il miljun lira Sterlina addizzjonali lill-awtoritajiet Franċiżi għall-kontroll tal-immigranti li qed jippruvaw jaqsmu lejn ir-Renju Unit mill-inħawi ta’ Calais u Dunkirk. Hu rrepeta li ‘r-Renju Unit hu aktar b’saħħtu fi ħdan UE rriformata, f’termini ta’ sigurtà u ħarsien ta’ fruntieri’.

Qabel il-laqgħa, il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija, Emmanuel Macron, qajjem tilwima bis-suġġeriment li pajjiżu jista’ jtemm il-kontrolli għall-fruntiera min-naħa tar-Renju Unit f’Calais, dment li l-Britanniċi ma jkomplux fl-Unjoni Ewropea.

Ftehim bejn Franza u r-Renju Unit jippermetti biex il-Britanniċi jieħdu ħsieb il-kontrolli man-naħa Franċiża tal-Kanal Ingliż skont trattat bilaterali li mhux konness mal-isħubija tar-Renju Unit fl-UE.

Dan hu intiż biex in-nies ma jivvjaġġawx miz-zoni tal-Kanal mingħajr sorveljanza għall-istatus tagħhom ta’ immigranti. Intant, fl-aħħar xhur f’Çalais twaqqaf kamp, magħruf bħala ‘l-Ġungla’, fejn eluf ta’ immigranti qed jistennew biex jaqsmu lejn ir-Renju Unit.