Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk wissa lill-immigranti illegali li qed jaħarbu minn pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi biex huma ma jmorrux l-Ewropa.
Id-diskors sar waqt impenn ġdid lejn soluzzjoni tal-kriżi tal-immigranti fl-Ewropa, b’Tusk – wara laqgħat f’Ateni mal-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras – itenni li dawn l-immigranti ‘qegħdin jissugraw flushom u ħajjithom għal xejn.’
Donald Tusk kien għaddej bi żjarat fil-Greċja u t-Turkija fejn ipprova jwassal għal ftehim ħalli jonqsu l-mewġ konsistenti tal-immigranti li, kuljum, qed jivvjaġġaw lejn il-Punent tal-Ewropa.
Intant, Tusk qal li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jridu jevitaw li jieħdu azzjoni unilaterali biex jikkonfrontaw il-kriżi tal-immigranti. Dan meta l-President tal-Kunsill Ewropew, din il-ġimgħa, dar diversi bliet kapitali fl-Ewropa ċentrali u tax-xlokk, fejn ipprova jnaqqas it-tensjoni dovuta għall-kriżi.
Dawn iż-żjarat qed iwittu t-triq għal summit, nhar it-Tnejn, bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija li se jindirizza direttament din il-kwistjoni.
Fil-preżent hemm aktar minn 25,000 immigrant iżolati fil-Greċja, meta żdied l-inkwiet dwar kriżi umanitarja wara l-issikar tal-kontrolli mal-fruntieri qalb iz-zoni Ewropej tat-Tramuntana.
//= $special ?>