Lokali

AĠĠORNATA: arrestat raġel li ħebb għall-Ispettur Sandro Camilleri

Ftit tal-ħin ilu l-Pulizija tal-Belt arrestaw u interrogaw lil raġel li allegatament ħebb għall-President tal-Police Officers Union, Sandro Camilleri.

Il-każ seħħ dalgħodu fil-Belt stess fil-bini tal-GWU fejn hemm l-uffiċċju tal-Union tal-Pulizija. Dan is-sit għandu recording illi juri biċ-ċar illi r-raġel uża kliem aggressiv fil-konfront tal-Ispettur Camilleri fejn fost l-oħrajn sejjaħlu “buffu” u “purċinell”.

L-istorja żviluppat wara li lbieraħ l-istess raġel deher f’filmat li xxandar f’sezzjonijiet tal-media jhedded uffiċjali tal-Korp fit-Tribunal Lokali ta’ San Ġwann.
Dwar dan il-każ ikkummenta anke l-Ispettur Camilleri li ddefenda lill-uffiċjali li ġew aggrediti.

Issa jidher li l-istess raġel illum ried jieħu s-sodisfazzjon mingħand Camilleri, u mar għalih il-Kwartieri Ġenerali tal-GWU.

Ir-raġel ġie rilaxxat ftit wara l-interrogazzjoni.

Intant, fi stqarrija l-General Workers’ Union qalet illi tikkundanna bla riżervi l-atti intimidatorji li jsiru fil-konfront ta’ ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Fl-istess waqt tesprimi l-apprezzament tagħha għall-intervent f’waqtu mill-membri tal-Korp tal-Pulizija li intervjenew biex il-persuna responsabbli minn dan l-att tkun ikkontrollata. Il-GWU tagħmilha ċara li ħadd qatt ma għandu juża atti intimiditatorji u aggressivi biex jipprova jiġġustifika l-argumenti tiegħu.