Lokali

Enemed taqla’ €14.2 miljun minn fuq il-poplu f’Jannar u Frar

Fid-9 t’Ottubru li għadda, il-kumpanija tal-istat Enemed ħarġet sejħa għall-offerti għall-importazzjoni ta’ 13,800 tunnellati metriċi ta’ petrol għal Jannar u Frar, minbarra kunsinni oħra sa Ġunju. Dan ifisser l-importazzjoni ta’ 18.9 miljun litru ta’ petrol.

L-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea turi li l-prezz tal-petrol f’Malta, eskluż it-taxxi u d-dazji, hu ta’ 56.9ċ kull litru, li jfisser li l-Gvern qed jaqla’ 75.1ċ f’dazji u f’taxxi fuq kull litru ta’ petrol – iktar milli l-prezz oriġinali tiegħu nkluż marġini għall-profitt.

Fuq 18.9 miljun litru ta’ petrol, dan ifisser €14.2 miljun f’dazji u taxxi minn fuq il-bejgħ tal-petrol għal Jannar u Frar biss.

Ħafna qed jistaqsu għaliex Enemed qed titħalla tagħmel dan il-marġini esaġerat ta’ qligħ minn fuq il-poplu ladarba hi kumpanija tal-istat.

Sa nhar it-Tnejn 29 ta’ Frar, kien hemm 23 pajjiż mit-28 fl-UE li qed ibiegħu l-petrol bi prezz orħos milli f’Malta. F’seba’ pajjiżi minnhom, il-prezz kien qed jinbiegħ taħt l-€1 kull litru – il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Ungerija. Il-bqija tal-pajjiżi b’petrol orħos minn Malta huma l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

Fl-istess ġurnata kien hemm 25 pajjiż mit-28 pajjiż tal-UE li kienu qed ibiegħu d-diesel bi prezz orħos milli f’Malta, u 15 minnhom bi prezz orħos minn €1 kull litru. Huma l-istess pajjiżi li kienu qed ibiegħu l-petrol bi prezz orħos milli f’Malta ħlief l-Iżvezja u r-Renju Unit imma kienu jinkludu wkoll lid-Danimarka, l-Italja, l-Olanda u l-Portugall.

Organizzazzjonijiet bħall-Malta Automobile Club qed jinsistu li l-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ bl-imnut tal-petrol u d-diesel m’għandux jibqa’ f’idejn l-istat, imma f’idejn rappreżentanti lokali ta’ kumpaniji barranin taż-żejt li jitħallew jikkompetu bejniethom u joffru l-aħjar prezzijiet possibbli lill-konsumaturi Maltin.

Il-klabb tenna li qed jistenna lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex jiddeċiedi jekk petizzjoni li bagħat tintlaqax jew le. Il-petizzjoni hi dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ bl-imnut tal-petrol u d-diesel f’Malta.