Il-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni ta’ għada waranofsinhar fil-Belt Valletta mhijiex protesta tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Partit Laburista, iżda protesta tal-poplu Malti u Għawdxi kontra l-korruzzjoni.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 jumejn qabel il-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. Hu ħeġġeġ lin-nies biex jesprimu r-rabja u d-diżgustament tagħhom kontra l-korruzzjoni, filwaqt li sostna li min ma jattendix nhar il-Ħadd ikun qed jagħti messaġġ lill-Gvern biex jibqa’ għaddej.
Simon Busuttil qal li hu, bħall-poplu Malti u Għawdxi, ma jemminx lil Joseph Muscat li sar jaf li ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, mill-media. “Joseph Muscat tilef kull kredibilità u ħadd m’għadu jemmnu,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għall-korruzzjoni, qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi, fost l-oħrajn bil-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel, b’kuntratti tal-prekarjat, biż-żieda fil-faqar, kif ukoll b’servizz diżastru tat-trasport pubbliku. Hu sostna li l-Gvern għaddej minn skandlu għall-ieħor, tant li dak ta’ qabel ikun jidher żgħir ħdejn dak riċenti. “Ftit jiem ilu, konna qed nitkellmu fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena, li llum jidher żgħir ħdejn dak tal-kumpaniji sigrieta fil-Panama,” qal Simon Busuttil.
//= $special ?>