Lokali

F’nofs l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama : Muscat jgħid li jrid diskussjoni dwar iż-Żwieġ għal persuni gays

Joseph Muscat juża non-issue biex jiprova jiddevja – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru illum qed jipprova jinqeda bl-issues tal-komunità LGBTIQ biex jiddevja l-attenzjoni tal-poplu mill-akbar skandlu li qatt seħħ fl-istorja ta’ pajjiżna, fejn il-Ministru ewlieni tiegħu u ċ-Chief of Staff tiegħu nqabdu li fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama wara li daħlu fil-kariga tagħhom.

Żwieġ bejn persuni tal-istess sess diġà jeżisti f’Malta f’kull sens ħlief fl-isem. Il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili tgħid li l-unjoni ċivili għandha “l-istess effett u konsegwenzi fil-liġi daqs żwieġ ċivili”.

F’reazzjoni tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal “la darba unjoni ċivili diġà tagħti l-istess drittijiet u obbligi ta’ żwieġ ċivili, jien ma nara l-ebda diffikultà li nbiddlu l-isem u nsejjħu l-unjoni ċivili dak li tassew diġà hi, jiġifieri żwieġ.”

“L-issue ta’ llum mhix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess imma l-kriżi ta’ korruzzjoni li Joseph Muscat jinsab fiha,” qal Simon Busuttil.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ħabbar se jerġa’ jiftaħ id-diskussjoni dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

Muscat żvela dan waqt attività biex ifakkar Jum il-Mara, fejn ta x’jifhem li l-Gvern lest jibdel il-Liġi tal-Unjoni Ċivili għal Liġi dwar iż-Żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Minkejja li rrikonoxxa li l-pajjiż għadu mhux lest għal bidla bħal din, qal li se jkun qed jibda diskussjoni dwar dan is-suġġett.

Il-Liġi tal-Unjoni Ċivili daħlet fis-seħħ f’Malta sentejn ilu. B’differenza għal numru ta’ pajjiżi oħra, fosthom l-Italja, il-Liġi mdaħħla f’pajjiżna poġġiet iż-żwieġ bejn koppji omosesswali fuq l-istess livell ta’ żwieġ bejn koppji eterosesswali.

Intant illum l-MGRM qalet li qed tilqa’ l-appoġġ espress għal ugwaljanza fiż-żwieġ kemm mill-Prim Ministru, Joseph Muscat u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Minħabba li jidher li hemm kunsens dwar din il-kwistjoni MGRM tħeġġeġ biex l-abbozz ta’ liġi jiġi ppreżentat u b’hekk ikun jista’ jkun hemm żwieġ għall-koppji kollha irrispettivament mis-sess tagħhom.