IN-NAZZJON jiddedika l-faċċata ta’ quddiem għall-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Jirrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ ma jweġibx dwar iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri li bħall-Ministru Konrad Mizzi, ukoll għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.
THE MALTA INDEPENDENT jirrapporta lil Joseph Muscat jgħid li ladarba l-Ministru Konrad Mizzi se jħallas il-multa talli ma rrappurtax lill-awtoritajiet fiskali Maltin li għandu trust barra mill-pajjiż, kollox hu sew u m’hemmx għalfejn jerfa’ r-responsabbilta’ politika. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi intervista ma’ refuġjata Palestinjana li tgħid li s-suq tax-xogħol għandu jkun iktar miftuħ għal refuġjati
TIMES OF MALTA ukoll jikkwota lill-Prim Ministru jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama fejn qal li Konrad Mizzi wera li hu kapaċi jisma’ iżda l-għażla tal-kumpanija fil-Panama setgħet kienet aħjar. Storja oħra hi dwar deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li waqqgħet il-kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Gvern Malti dwar it-tnaqqis fil-pensjonijiet ta’ dawk li kienu fis-servizzi Ingliżi. Kwistjoni li tmur lura għal iktar minn 30 sena.
L-ORIZZONT hu l-uniku ġurnal li ma jitrattax l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama fl-ewwel faċċata tiegħu. Il-ġurnal jirrapporta dwar vittma tal-inċident Paqpaqli għall-Istrina f’Ottubru li għadda li bil-mod il-mod qed jaqleb għall-aħjar tant li beda jimxi, jiekol u jitkellem wara ħames xhur mill-inċident. L-Orizzont jirrapporta wkoll dwar l-allegat qattiel Pollakk Kajetan Poznanski u jsegwi l-passi tiegħu fil-jiem bejn il-qtil li jinsab akkużat bih f’Varsavja u l-vjaġġ tiegħu madwar l-Ewropa sakem inqabad f’Malta.
//= $special ?>