Lokali

Il-Panama Gate jinkludi wkoll il-bejgħ tal-passaporti – Indjan imfittex għall-frodi xtara l-passaport Malti

Negozjant Indjan imfittex għal korruzzjoni u ħasil tal-flus – u li għandu diversi rabtiet man-nies involuti fl-iskandlu tal-Panama – xtara l-passaport Malti u għamel dan permezz tal-kumpanija mill-Panama li qed tirrappreżenta lil Konrad Mizzi u lil-Keith Schembri fil-Panama biex fetħu hemmhekk kumpaniji sigrieti.

Dan żvelatu l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bis-sit tagħha daphnecaruanagalizia.com.

Screen Shot 2016-03-04 at 5.39.03 PM

Il-ġurnalista dalgħodu żvelat kif il-kumpanija Brian Tonna tan-Nexia BT – li hu mdaħħal fl-iskandlu tal-Panama u li hu qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat – jaħdem għal Lalit Modi.

Dan hu negozjant Indjan li hu mfittex fl-Indja għal korruzzjoni, frodi, ħasil ta’ flus u tixħim hekk li l-Gvern tal-Indja fl-2010 rtiralu l-passaport.

Emails żvelati ftit ilu fl-Indja juru li l-kumpanija Nexia BT ta’ Brian Tonna taħdem għal Lalit Modi.

Aktar tard fil-ġurnata, Daphne Caruana Galizia żvelat li dan in-negozjant Indjan ġie Malta s-sajf li għadda, għadda mil-lounge tal-Ministri u ntlaqa’ minn xufier minn Kastilja. Waqt li kien hawn, in-negozjant Indjan għamel tweet fuq Twitter ta’ kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Wara, il-ġurnalista kompliet tiżvela li dan in-negozjant Indjan xtara l-passaport Malti permezz tal-kumpanija mill-Panama Mossack Fonseca li hu mdaħħal magħha Brian Tonna.

Il-magazine rinomat dinji The Economist jgħid li Mossack Fonseca twaqqaf kumpaniji ta’ politikanti li huma mdaħħlin f’każi ta’ korruzzjoni kbira f’pajjiżhom.

Din id-ditta Panamjana Mossack Fonseca qed tkun investigata wkoll fil-Brażil. Il-Prosekutur Brażiljan Carlos Fernando dos Santos Lima jgħid li Mossack Fonseca hi ditta kbira tal-ħasil tal-flus u qed tkun investigata għal ħasil ta’ flus u ħabi ta’ assi ġejjin mill-korruzzjoni fil-Brażil.