Il-Qorti Ewropea tiddeċiedi favur il-Gvern Malti dwar il-kwistjoni tal-pensjonijiet tas-servizzi Ingliżi

It-tamiet ta’ eluf ta’ pensjonanti Maltin li kellhom il-pensjoni tas-Servizzi Ingliżi sofrew daqqa ta’ ħarta wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ċaħdet il-kawża tal-Kummissjoni Ewropea u aċċettat l-argument tal-Gvern Malti. Dan kien rappurtat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta.

Il-każ imur lura għal aktar minn 35 sena ilu meta fl-1979, il-Prim Ministru Dom Mintoff kien daħħal Liġi li biha kulmin kellu Pensjoni Kontributorja minn pajjiż ieħor, b’mod partikolari dawk li kienu fis-Servizzi Ingliżi, kellhom il-Pensjoni Maltija mnaqqsa skont l-ammont li qed jieħdu mill-Pensjoni barranija.

Minkejja diversi protesti u appelli, Gvernijiet suċċessivi qatt ma rranġaw l-anomalija, għalkemm Gvernijiet Nazzjonalisti bdew jirranġaw is-sitwazzjoni biċċa biċċa bi tnaqqis gradwali tal-ammont li jinqata’ mill-Pensjoni Maltija.

Wara li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, saru diversi petizzjonijiet mill-pensjonanti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew. Eventwalment, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri ta’ ksur ta’ regolamenti, li eventwalment wasslu għall-kawża quddiem il-Qorti Ewropea, li nfetħet tliet snin ilu.

Il-Qorti Ewropea waqqgħet il-kawża tal-Kummissjoni Ewropea u fis-sentenza tagħha qablet mal-pożizzjoni tal-Gvern Malti, li ma jistax iġorr fuq spallejh it-tort tan-nuqqasijiet li saru mir-Renju Unit, li mhux qed josserva t-Trattat Ewropew. S’issa mhux magħruf jekk il-Kummissjoni Ewropea hix se tappella l-każ.

Sadanittant, il-Gvern laqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, għalkemm qal li xorta se jibqa’ jaħdem biex il-Pensjonijiet ta’ dawn in-nies jiġu aġġustati. Bħalissa hu stmat li hemm madwar 6,000 pensjonant ta’ żmien is-Servizzi Ingliżi li potenzjalment huma dovuti miljuni ta’ ewro f’arretrati.