Lokali

Libjani l-iktar li talbu stat ta’ refuġjat f’Malta fl-2015

Minn fost 1,695 immigranti li talbu li jiġu kkunsidrati refuġjati f’Malta fl-2015, iktar minn nofshom jew 895 kienu mil-Libja, 395 kienu mis-Sirja filwaqt li l-bqija, 70 kienu mill-Ukraina. Dawk li tabu l-ażil f’Malta huma 0.1% ta’ dawk kollha li matul l-2015 waslu f’xi pajjiż tal-UE jitolbu l-protezzjoni umanitarja.

L-istatistika ħarġet mill-Eurostat li qalet li fl-2015 it-total ta’ immigranti li talbu li jitqiesu bħala refuġjati f’xi wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kien 1.2 miljun, l-iktar fil-Ġermanja b’iktar minn 440,000 immigrant li talab status ta’ refuġjat. It-total ta’ immigranti fl-2015 kien iktar mid-doppju dawk li waslu fl-Ewropa fl-2014.

L-aġenzija tal-UE qalet li persuna minn kull tlieta li talbet l-ażil fl-2015 kienet ġejja mis-Sirja u li nofshom irreġistraw ruħhom fil-Ġermanja, waqt li t-tieni u t-tielet l-iktar ċittadini kienu mill-Afganistan u mill-Iraq.

In-numru tas-Sirjani li waslu fl-UE u talbu status ta’ refuġjat fl-2015 irdoppja għal 362,800, l-Afgani żdiedu b’erba’ darbiet iktar dawk li talbu l-protezzjoni sena qabel għal 178,200 u dawk mill-Iraq kienu seba’ darbiet iktar għal total ta’ 121,500. Iċ-ċittadini ta’ dawn it-tliet pajjiżi flimkien huma iktar minn nofs it-talbiet kollha li rċeviet l-UE fl-2015.

Jekk wieħed iqabbel mat-talbiet li daħlu lill-pajjiżi individwali fl-2014, il-Finlandja rat l-applikazzjonijiet jiżdiedu bi tmien darbiet iktar filwaqt li, imqabbel mal-popolazzjoni tal-pajjiż, l-Ungerija u l-Iżvezja kellhom l-iktar talbiet, bi 17,700 għal kull miljun resident fl-Ungerija u 16,016 għal kull miljun resident fl-Iżvezja.

Il-Eurostat qalet ukoll li sa tmiem l-2015, in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għal status ta’ refuġjat kienu kważi ta’ miljun jew 922,800 madwar l-UE kollha. Sena qabel, it-talbiet li kienu għadhom pendenti kienu 489,300. Il-Ġermanja kellha 46% tat-talbiet kollha pendenti sa Diċembru li għadda.