L-eks-President Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva, spiċċa arrestat bħala parti minn investigazzjoni kbira dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus konnessa mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.
Aġenti tal-pulizija federali wettqu rejd fid-dar ta’ Lula da Silva, qrib ta’ Sao Paulo, waqt li żammew lill-eks-President għal interrogazzjoni. Lula da Silva, li kien spiċċa minn President fl-2011, ċaħad għal allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Intant saru wkoll rejds fuq il-kwartieri-ġenerali tal-Istitut ta’ Lula da Silva f’Sao Paulo, bl-investigazzjoni tikkonċentra wkoll fuq il-mara u l-ulied tal-eks-President.
L-investigazzjoni inkwistjoni, li ilha għaddejja u qed tindaga akkużi dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus assoċjati mal-Petrobas.
L-uffiċjali qalu li mal-200 aġent tal-pulizija federali qegħdin jieħdu ħsieb xi 33 mandat ta’ tfittxija u 11-il mandat għal arrest fl-Istati ta’ Rio de Janeiro, Sao Paulo u Bahia.
Numru kbir ta’ eżekuttivi u politiċi spiċċaw arrestati jew jinsabu taħt investigazzjoni fuq suspett dwar kuntratti mal-Petrobras li kienu jinvolvu ħlas żejjed u li parti minn dan il-flus intuża għal tixħim.
Fil-każ hemm implikata wkoll il-President attwali tal-pajjiż Dilma Rousseff, li bħal Lula hi mill-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan (ritratt). Lula kien serva żewġ mandati bħala President qabel ma laħqet Rousseff li kienet appoġġjata minnu.
Arrestat l-eks President Brażiljan minħabba korruzzjoni
