Joseph Muscat qal li kien jaf bil-kumpanija ta’ Keith Schembri fil-Panama fl-istess żmien li kienu żvelati fil-mezzi tax-xandir. Hu qal dan meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti fi tmiem attività organizzata mill-għaqda Nisa Laburisti.
Mistoqsi wkoll dwar jekk kienx jaf li Keith Schembri kellu kumpaniji fil-British Virgin Islands meta ħatru Chief of Staff, Muscat qal li kien jaf li kellu strutturi internazzjonali, iżda ma kienx jaf fejn kienu l-postijiet.
Dwar il-fatt li qal li Konrad Mizzi ħallas multa talli ma rrappurtax mal-awtoritajiet fiskali Maltin li għandu Trust fi New Zealand, umbagħad aktar tard qal li għadu se jħallasha, il-Prim Ministru ammetta li kkontradixxa lilu nnifsu. Hu spjega li Konrad Mizzi applika biex jirranġa s-sitwazzjoni u li din tinvolvi l-ħlas ta’ multa.
Iżda mistoqsi għaliex għadhom ma nfetħux proċeduri mill-Pulizija fuq instigazzjoni tal-Kummissarju tat-Taxxi interni, Muscat irrepeta l-istess.
Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li ħadd ma jemmen id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li sar jaf mill-media li ċ-Chief of Staff tiegħu fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u Trust fi New Zealand kemm ilu Chief of Staff. Dan meta Keith Schembri mhuwiex biss iċ-Chief of Staff, iżda wkoll ħaġa waħda ma’ Muscat.
L-istqarrija kompliet li anke li kieku dak li qal Muscat hu veru – li mhux kredibbli – il-Prim Ministru messu keċċa lil Keith Schembri malli sar jaf bil-kumpanija sigrieta fil-Panama. Mhux ta’ b’xejn li l-poplu jinsab iddiżgustat u rrabjat bl-aġir tal-Prim Ministru, tant li se jattendi l-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni li se ssir il-Ħadd li ġej, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>