Lokali

Nirien qawwija jaħkmu x-Shooting Range tal-Bidnija

Ħadd ma weġġa’ f’nirien qawwija li matul il-lejl li għadda jew dalgħodu ħakem ix-Shooting Range tal-Bidnija li seħħ meta l-post kien magħluq. L-impjegati tal-post indunaw b’dak li ġara għall-ħabta tas-1pm meta marru biex jiftħu.

Hemm huma sabu meqruda għal kollox iż-żona fejn ikunu kkontrollati l-logħob. Fil-fatt, l-ewwel indikazzjonijiet qed juru li n-nar oriġina mill-control boxes, li jħaddmu s-sistema tal-isparar.

NETnews.com.mt għamel kuntatt mal-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar Saviour Portelli, li spjega li x-Shooting Range ġarrbet ħsarat li jammontaw għal eluf ta’ ewro. Dan mistenni jwassal biex ir-Range tinżamm magħluqa għal żmien twil.

Portelli spjega li dan hu ta’ dispjaċir għall-Federazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-ġimgħa d-dieħla hemm il-World Cup tal-Isparar u l-parteċipanti Maltin mhux se jkunu jistgħu jitħarrġu fl-aħħar jiem qabel ma jikkompetu.

Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija, li għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet, b’mod partikolari biex ikun stabbilit x’wassal għal dan il-ħruq.