Inħelsu żewġ Taljani li kien ilhom minn Lulju miżmumin ostaġġi fil-Libja. L-aħbar dwar il-ħelsien tat-Taljani ngħatat 48 siegħa biss wara allegazzjonijiet li żewġ Taljani oħrajn, li wkoll kienu qattgħu l-aħħar xhur bħala ostaġġi, spiċċaw maqtula mit-terroristi tal-ISIS fl-artijiet Libjani.
L-erba’ Taljani, li kienu impjegati mal-kumpanija tal-kostruzzjoni Bonatti, inħatfu s-sena l-oħra qrib il-belt Libjana ta’ Sabratha. Il-ħtif kien seħħ f’zona ftit lil hinn minn kumpless tal-grupp għall-enerġija ENI.
Kelliema għall-qawwiet tas-sigurtà fl-inħawi ta’ Sabratha qalu li ż-żewġ Taljani nħelsu kmieni nhar il-Ġimgħa waqt rejd minn ġellieda lokali fuq wieħed mill-moħbiet tal-ISIS f’Sabratha. Madankollu ma kienx hemm konferma ta’ dan mingħand sorsi oħrajn.
Nhar il-Ħamis, il-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin irrefera għall-‘probabbiltà’ li Fausto Piano u Salvatore Failla – iż-żewġ ħaddiema l-oħra tal-kumpanija Bonatti –mietu waqt sparatura li seħħet fil-jum ta’ qabel. Il-katavri ta’ dawn it-Taljani, sadanittant, ittieħdu lejn Tripli għal ripatrijazzjoni eventwali.
Il-qawwiet tas-sigurtà Libjani, nhar l-Erbgħa attakkaw lill-ISIS f’Sabratha u l-kelliema għall-istess qawwiet sostnew li ‘it-terroristi kienu qatlu lit-Taljani (Piano u Failla) ftit qabel seħħ l-attakk’.
L-uffiċjali Taljani jemmnu li l-erba’ ħaddiema tal-Bonatti kienu nħatfu minn grupp ta’ kriminali li riedu somma flus biex jeħilsuhom. Sadanittant, il-gazzetta Corriere della Sera, ilbieraħ irrappurtat li ‘kien tħallas parti minn rahan’ qabel l-attakk ta’ nhar l-Erbgħa, iżda dwar dan għad ma hemm l-ebda konferma uffiċjali.
Ostaġġi Taljani jinħelsu fil-Libja wara l-qtil ta’ kollegi
