Lokali

Poplu ddiżappuntat u diżgustat bl-imġiba tal-Prim Ministru

Il-poplu Malti u Għawdxi jinsab iddiżappuntat u ddiżgustat mhux biss bil-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nqabdu li fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama, iżda wkoll għall-imġieba tal-Prim Ministru Muscat quddiem dan kollu, b’gideb u difiża għal aġir li hu indifensibbli.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali Alex Mangion u Charlene Camilleri Zarb.

Beppe Fenech Adami qal li l-aġir ta’ Muscat qed iqajjem ħafna dubji dwar x’jaf u x’ma jafx il-Prim Ministru. Sostna li l-aktar li jqajjem suspetti kbar hu l-fatt li l-Prim Ministru qed jinqabad jigdeb u jiddefendi lil min mhux biss kiser il-Liġi, iżda meta l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu nqabdu li fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama kemm ilhom fil-Gvern.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-allegazzjonijiet mhux miċħuda huma li ż-żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama nfetħu fl-istess żmien li Muscat, Schembri u Mizzi marru l-Ażerbajġan weħidhom, mingħajr ma ħadu l-ebda Uffiċjal taċ-Ċivil jew lill-media.

Wara dak il-vjaġġ, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kien ikkonferma li l-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi fil-proċess tal-hedging taż-żejt mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan wasslet biex il-poplu Malti u Għawdxi tilef €14-il miljun.

Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlene Camilleri Zarb sostniet li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi mhumiex tliet persuni kwalunkwe, iżda tliet persuni fit-tmexxija tal-pajjiż u tal-partit fil-Gvern.

Fakkret li kemm ilhom fil-poter, Joseph Muscat u Konrad Mizzi kienu responsabbli fost l-oħrajn għall-għażla tal-konsorzju Electrogas li se jibni Power Station ġdida, għall-garanzija ta’ €380 miljun li l-Gvern ta lill-Electrogas, għall-bejgħ tal-Enemalta, għall-bejgħ tal-Power Station BWSC, għall-bejgħ ta’ artijiet kbar tal-Enemalta, għall-kuntratti tax-xiri taż-żejt, għall-kuntratti tal-hedging mas-SOCAR u anke għall-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Alex Mangion sostna li r-reazzjoni tal-Partit Laburista għall-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li jiprova jirredikola r-rabja tan-nies għall-korruzzjoni, hi waħda ta’ kundanna u li qed iġġib stmerrija minn bosta, fosthom Laburisti.

Sostna li l-poplu qed jingħaqad kontra l-korruzzjoni u l-Ħadd se jingħaqad f’din il-Protesta Nazzjonali. Hu ħeġġeġ lil kulmin irid jeqred il-korruzzjoni f’pajjiżna u lil min hu ta’ rieda tajba biex isemma’ leħnu u l-Ħadd li ġej waranofsinhar ikun il-Belt.