Lokali

7 ‘trade unions’ Maltin imħassba dwar l-iskandlu tal-Panama

Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU) fi stqarrija wriet it-tħassib tagħha dwar l-avvenimenti li qed jinvolvu persuni għolja fil-Gvern, li minflok qed jinnegozjaw affarjiet favur il-poplu, huma qed iżommu trusts sigrieti ma’ kumpaniji ġewwa pajjiżi li għandhom reputazzjoni ta’ ħabi. Destinazzjonijiet preferuti għal dawk li jridu jaħbu l-fondi tagħhom.

Is-CMTU qalet li huwa essenzjali li dawn il-kwistjonijiet jiġu investigati bir-reqqa u li jiddieħdu l-miżuri ġodda u neċessarji li jippromwovu tmexxija tajba, trasparenza u responsabbiltà għall-futur.

Huma sostnew li huwa importanti wkoll li l-kunflitti reali jew perċeputi ta’ interessi ta’ persuni li għandhom rwoli għolja fil-gvern għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar. Il-konfederazzjoni temmen li dawn huma prinċipji essenzjali f’demokrazija b’saħħitha u moderna.

Il-konfederazzjoni qalet li b’dawn l-azzjonijiet u fin-nuqqas ta’ governanza tajba, dan kollu huwa moralment kundannabbli u qed immur kontra ċ-ċittadin onest.