Internazzjonali

Attivista għall-ambjent li faħħar DiCaprio tinqatel fil-Honduras

Attivista favur l-ambjent li kien faħħarha l-attur Leonardo DiCaprio spiċċat maqtula minn persuni armati li assedjaw id-dar tagħha fil-Honduras.

Berta Caceres, attivista indiġena ta’ 43 sena, inqatlet fir-residenza tagħha u din l-omm ta’ erba’, qabel, kienet ilmentat talli rċeviet it-theddid kontra ħajjitha mingħand il-pulizija, is-suldati u l-proprjetarji tal-art. Mifhum li t-theddid kellu x’jaqsam ma’ xogħol Caceres bħala attivista.

Caceres kienet rebħet il-Goldman Prize tal-2015 talli mexxiet il-poplu indiġenu tal-Lenca f’taqbida kontra proġett għal ġibjun b’sistema idro-elettrika. Dan il-proġett kellu jgħarraq zoni kbar ta’ art tan-nies indiġeni filwaqt li jaqta’ l-provvista tal-ilma għal mijiet ta’ persuni.

Omm Caceres, intant, qalet li l-pulizija indikat li bintha kienet sfat maqtula f’serqa ‘iżda kulħadd jaf li Berta, fil-fatt, sfat vittma tal-kampanja tagħha’.

L-attur Leonardo DiCaprio, ambjentalista magħruf, radd ġieh lil Berta Caceres fi stqarrija u qal li ‘d-dinja tilfet mexxejja indiġena inkredibbli ta’ qalb kuraġġjuża li ma ddejqet qatt tiġġieled għall-ġustizzja.’