L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iħeġġeg lil dawk kollha li jaħdmu fil-midja biex iressqu quddiem l-Istitut kull każ li jkollhom ta’ theddid, xkiel jew pressjoni.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, fi stqarrija qal li b’dispjaċir qed jinnota li qegħdin jiżviluppaw diversi okkażjonijiet fejn il-ħidma tal-ġurnalisti qed tkun mhedda jew imxekkla, b’azzjonijiet qed ikunu ta’ theddida kbira għal-libertà tal-istampa.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin wera t-tħassib tiegħu minħabba li qed jiżviluppaw każi fejn f’okkażjonijiet varji, xogħol il-ġurnalisti qed jiġi mhedded anki b’libelli, inkluż kriminali, bl-iskop li tintefa’ pressjoni u fi sforz biex jingħalaq ħalq il-ġurnalisti. F’każi oħrajn il-ġurnalisti qed jintalabu jikxfu is-sorsi tagħhom.
“F’pajjiż demokratiku m’hemmx lok għal dan it-theddid u pressjoni fuq il-professjoni ġurnalistika, u għalhekk kull aġir ħażin li jkun qed isir fid-dawl ta’ dan, huwa kundannabbli” l-IĠM sostniet.
Fl-istess stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iħeġġeg lil dawk kollha li jaħdmu fil-midja biex iressqu quddiem l-Istitut kull każ li jkollhom ta’ theddid, xkiel jew pressjoni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u minnufih jirrappurtaw il-każ lill-Pulizija.
L-istitut appella lill-Gvern biex bla aktar dewmien jitneħħa l-libell kriminali fil-konfront tal-membri tal-midja. Din il-kwistjoni kellha tkun magħluqa sa tmiem l-2015 kif kien twiegħed lill-IĠM f’laqgħat mal-Ministru tal-Ġustizzja, pero madankollu s’issa għadu ma sar xejn.
//= $special ?>