Student tal-mediċina fl-Istati Uniti li qed imexxi riċerka dwar il-ġrieden fi New York sab l-akbar ‘speċi’ s’issa ta’ ġurdien li jiżen madwar 600 gramma jew aktar.
Matt Combs, mill-Università ta’ Fordham, qal li filwaqt li hu qabad il-ġrieden fil-kwartieri kollha ta’ New York – u waqt li ‘ra ġrieden kbar oħra li ma rnexxilux jaqbad’ – hu jemmen li l-ġurdien inkwistjoni hu fost l-akbar li qed jgħixu fil-belt ta’ New York.
Mhux eskluż li fi New York jistgħu hemm il-ġrieden li jiżnu sa 800 gramma, skont Combs. L-istudent u kollega tiegħu użaw il-klieb imħarrġa biex jaqbdu l-ġrieden enormi, waqt li ħafna ġrieden iżgħar spiċċaw vittmi tan-nasses li qiegħdu ż-żewġ riċerkaturi.
Il-proġett inkwistjoni hu intiż biex persuna tifhem kif il-ġrieden ‘jikkolonizzaw iz-zoni ġodda’, ħalli n-nies ikunu jafu aktar dwar il-mard li jinfirex.
Combs, intant, osserva li l-ġrieden kbar ġieli jgħixu qrib is-sorsi tal-ikel. Intant, hu u l-kollega, Elizabeth Carlen, bagħtu kollezzjonijiet ta’ katavri tal-ġrieden ibbalzmati lill-Peabody Museum, fl-Università ta’ Yale, għal aktar studju.
//= $special ?>