Luiz Inacio Lula da Silva, l-eks President Brażiljan, qed jinsisti li hu innoċenti u l-arrest tiegħu nhar il-Ġimgħa kien għal raġunijiet politiċi.
Da Silva kien arrestat bħala parti minn investigazzjoni f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvi l-Petrobras, il-kumpannija nazzjonali Brażiljana taż-żejt, politiċi u negożjanti ewlenin fil-pajjiż. Każ li fih hemm implikat il-Partit tal-Ħaddiema, il-partit ta’ Lula kif ukoll tal-President attwali Dilma Rousseff, li kienet intgħażlet minn Lula biex tieħu postu la darbha jirtira.
L-investigaturi qalu li għandhom l-provi li Lula kien jingħata pagamenti bi tpatija għal favuri li kien jagħmel. Favuri li kienu jissarfu f’donazzjonijiet għall-kampanja elettorali tal-partit kif ukoll f’istituzzjonijiet li kien imexxi Lula.
L-investigazzjoni fl-iskandlu tal-Petrobras ilha tkaxkar għal dawn l-aħħar sentejn u filwaqt li kienu mixlija politiċi u negozjanti importanti, Lula hu l-ogħla uffiċjal li kien arrestat.
Osservaturi qalu li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni aktar inkwiet hekk kif it-tmexxija tal-Partit tal-Ħaddiema appella lill-partitarji biex jinżlu fit-toroq u jiddefendu lil Lula u lill-Gvern. Min-naħa l-oħra l-kritiċi tal-Gvern sejħu għal protesti u qed tiġi organizzata dimostrazzjoni kbira kontra l-korruzzjoni fit-13 ta’ Marzu biex isir ukoll pressjoni għar-riżenja ta’ Rousseff.
Lejn l-aħħar ta’ Frar kien irriżenja Jose Eduardo Cardozo minn Ministru tal-Ġustizzja. Dan wara li safa mira ta’ kritika ħarxa mill-partit tiegħu stess, il-Partit tal-Ħaddiema, talli permetta li uffiċjali għolja tal-partit ikunu investigata bħala parti minn dan l-iskandlu.
Il-Pulizija Federali fil-Brażil teknikament huma parti mill-Ministeru tal-Ġustizzja imma għandhom l-indipendenza fil-ħidma tagħhom. Cardozo kien it-tieni Ministru li rriżenja mill-Kabinett wara kritika qawwija. F’Diċembru kien irriżenja Joaquim Levy minn Ministru tal-Finanzi.