Lokali

Il-Gvern kien jaf li l-Panama hu pajjiż li ma jikkoperax

Il-kobba tal-iskandlu tal-Panama jkompli jikber. Skandlu li fih, il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, inqabdu li għandhom kumpanija sigrieta fil-Panama – pajjiż blacklisted mill-Unjoni Ewropea.

Fi żvilupp ġdid, il-ġurnal The Times zvela li l-agenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus kienet taf dwar il-Panama tant li fl-2014, kienet avzat lis-settur finanzjarju f’Malta li l-Panama jġib mieghu riskji kbar u li hu pajjiż li ma jikkoperax.

Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama fl-istess zmien meta kienu marru bil-moħbi l-Azerbajgan. Il-Panama hu magħruf mad-dinja kollha bħala pajjiż li jintuża biex jitwaqqfu kumpaniji sigrieti li fihom jitpoġġew flejjes kbar li jkunu akkwistati mill-kriminalita’ u t-tixhim.

Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom wara li l-Aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus wissiet dwar il-Panama – darba, darbtejn.

Intant, il-ġurnal The Malta Independent f’artiklu separat qal li hu f’idejn il-Kummissarju tat-Taxxi Interni li jieħu passi fil-konfront ta’ Konrad Mizzi. Dan fid-dawl tal-mod kif Konrad Mizzi kiser il-liġi tal-Income Tax, meta ma ddikkjarax li għandu ‘trust’ fi New Zealand.