It-tifla tal-mibkija kantanta, Whitney Houston, mietet mgħarrqa, kif ukoll mill-effetti ta’ taħlita ta’ alkoħol u droga. Madankollu għadu mhux ċar jekk il-mewt ta’ Bobbi Kristina Brown għandhiex tkun klassifikata bħala riżultat ta’ a) omiċidju, b) inċident jew c) suwiċidju.
L-Uffiċċju tal-Eżaminatur Mediku ta’ Fulton County, f’Atlanta, ħareġ stqarrija dwar il-mewt ta’ Bobbi Kristina fil-jum proprju meta hi kellha tagħlaq 23 sena. Dan qabel kellu joħroġ ir-rapport sħiħ tal-awtopsja fuq il-katavru.
Skont l-istqarrija, Bobbi Kristina mietet minn tip ta’ pneumonia kkawżata minn taħlita ta’ droga li nstabet fis-sistema tagħha. Kellha wkoll is-sintomi ta’ meta persuna tmut mgħarrqa flimkien ma’ kundizzjoni newroloġika li tirriżulta min-nuqqas ta’ ossiġinu għall-moħħ.
Bobbi Kristina kienet l-unika tifla ta’ Whitney Houston u l-kantant Bobby Brown. Hi instabet wiċċa ‘l isfel u ‘mitluqa għal mejta’ ġo banju fir-residenza tagħha f’sobborg ta’ Atlanta, fil-31 ta’ Jannar tal-2015. Hi mietet ġo hospice, fis-26 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, u wara li damet ix-xhur f’koma.
Il-mewt ta’ Bobbi Kristina kienet simili ħafna għal ta’ ommha, Whitney, li għerqet ġo banju ta’ lukanda wara li hi ħadet id-droga kokaina, fi Frar tal-2012. L-omm u t-tifla, illum, huma midfuna qrib xulxin fl-istess ċimiterju ta’ New Jersey.
//= $special ?>