Il-PL ma rnexxilux isib Deputat, uffiċjal jew kandidat Laburista wieħed biex jitkellem dwar l-iskandlu tal-Panama f’programm tar-radju
Fl-aħħar jiem kien evidenti li d-Deputati u l-Uffiċjali Laburisti jinsabu skomdi għall-aħħar quddiem l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għandhom fil-Panama.
Din l-iskumdità kompliet toħroġ biċ-ċar dalgħodu, meta għall-programm “Għandi xi Ngħid” fuq Radju Malta, li ddiskuta fost oħrajn l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-Partit Laburista ma rnexxielu jsib la Deputat Laburista, la uffiċjal tal-Partit Laburista u l-anqas kandidat tal-Partit Laburista.
Minflok, il-Partit Laburista kellu jibgħat lill-eks ġurnalista tas-Super One Charlon Gouder. Anke’ meta fl-aħħar jiem NETnews.com.mt mar barra l-Parlament biex jistaqsi lill-Deputati Laburisti dwar dan l-iskandlu, evidentament kienu skomdi jwieġbu.
Waqt ‘Għandi xi Ngħid’, preżentat minn Dr. Andrew Azzopardi u li għalih kien mistieden it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, l-eks ġurnalista tas-Super One Charlon Gouder iddefenda lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
“Dawn huma żewġ persuni, esponenti li qed jagħmlu xogħol qatiegħ u li dan ix-xogħol qed irendi r-riżultati” qal Gouder biex jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Schembri.
Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, inqabdu li għandhom ‘trust’ fi New Zealand u kumpaniji sigrieti fil-Panama. Fid-dawl ta’ dan, għada se ssir Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni fit-3 ta’ waranofsinhar, li għaliha huma mistiedna dawk kollha ta’ rieda tajba.
//= $special ?>