“Kont ingarah iktar”, “darb’oħra ħalluh jaqbeż” u “wieħed inqas x’nieħdu ħsieb” kienu fost il-kummenti dwar storja ta’ raġel min-Niġerja li kien se jaqbeż għal isfel biex jagħmel suwiċidju.
L-istorja ta’ dan ir-raġel kienet ippubblikata mill-paġna ‘African Media Association Malta’.
Fil-każ, raġel min-Niġerja prova jneħħi ħajjtu nhar il-Ħamis li għadda għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar iżda twaqqaf minn xi nies li kienu għaddejjin u li sejħu għall-assistenza tal-Pulizija. Il-każ seħħ il-Belt Valletta.
“Hemm ħafna immigranti f’Malta li ‘qed jgħixu f’limbu’ mingħajr l-ebda drittijiet, qalet l-‘African Media Association Malta’. Ħafna drabi dawn il-persuni ma jingħataw l-ebda protezzjoni sussidjarja jew status ta’ refuġjat u jitħallew Malta. “Huma magħrufin bħala ‘rejects'” u dan iwassal biex jgħixu f’limbu, spjegat l-African Media Association Malta.
Din l-istorja, li kienet ippubblikata fuq il-paġna ta’ Facebook tal-African Media Association Malta intlaqgħet minn baraxx ta’ kummenti diżpreġġjattivi minn ħafna persuni. Ma naqsux ukoll kummenti ta’ empatija.
Dan mhux l-ewwel każ ta’ immigranti li pprovaw jew neħħew ħajjithom b’idejhom. Ftit ġimgħat ilu, immigrant irregolari nstab mejjet wara li neħħa ruħu b’idejh. Anke f’dak il-każ kienu spikkaw kummenti ta’ tgħajjir lejn il-vittma, kif ukoll kliem ta’ inkoraġġiment biex immigranti rregolari oħra jagħmlu bħalu.
Ritratt fuq: Minn protesta għal drittijiethom, li kienet saret f’Lulju 2015 mill-immigranti f’Malta.
//= $special ?>