Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi wara ħabta fil-Mosta

Ritratt: Arkivji

Għall-ħabta tal-16:15, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq id-Durumblat, il-Mosta.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 29 sena, residenti s-Siġġiewi, li kien qiegħed isuq vettura tat-tip Mazda RX7 lejn Ta’ Qali, tilef il-kontroll u ħabat ma’ vettura oħra tat-tip Toyota Auris li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

It-Toyota Auris kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 36 sena li joqgħod l-Imġarr.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq ta’ 29 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura filwaqt li s-sewwieq l-ieħor irrikorra ġewwa Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta minħabba ġrieħi ħfief li huwa sofra.

Iktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel ta’ 29 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.