Raġel li dam jistenna biex jinqeda saħnitlu rasu u faqa’ ħġieġa talli ma nqedix fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana. Il-każ, li kien ikkonfermat mill-Pulizija, seħħ nhar l-Erbgħa li għadda.
NETnews.com.mt jinsab infurmat li fl-inċident, ir-raġel intalab mill-istaff mediku biex imur ikellem lill-istaff taċ-Ċentru tas-Saħħa sabiex isirulu xi karti qabel ma jkun jista’ jingħata s-servizzi.
Madanakollu, jidher li dan ir-raġel iddejjaq jistenna’ fil-kju biex jikseb dawn il-karti tant li f’argument jaħraq mal-istaff spiċċa biex faqa’ ħġieġa ta’ bieb.
Il-Pulizija kienu nfurmati bil-każ għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu li minnufih marru ċ-Ċentru tas-Saħħa biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Ir-raġel għandu 39 sena u joqgħod San Ġwann. Skont informazzjoni mogħtija mill-Pulizija, aktar tard ir-raġel irritorna fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana biex jara xi ħsarat saru biex ikun jista’ jagħmel tajjeb iżda sab li l-ħġieġa kienet diġa nbidlet.
Hu mifhum li se jkunu qed jittieħdu passi fil-konfront ta’ dan ir-raġel.
//= $special ?>