Internazzjonali

Biljunarju fl-Iran ikkundannat għall-mewt għal korruzzjoni marbuta maż-żejt

Negozjant biljunarju Iranjan li kien arrestat f’Diċembru tal-2013 spiċċa kkundannat għall-mewt, fl-Iran, għal korruzzjoni marbuta mas-settur taż-żejt.

Babak Zanjani kien arrestat fuq akkużi li żamm għalih ‘biljuni’ fi dħul miż-żejt u li setgħu jgħaddu mill-kumpanniji tiegħu. Il-kundanna tiegħu, fost oħrajn, tirreferi għal frodi u reati ekonomiċi u meta l-biljunarju, li hu fost l-akbar sinjuruni fl-Iran, qed jiċħad għall-akkużi.

Zanjani kien tpoġġa fuq il-lista s-sewda tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea talli għen lill-Iran jevadi s-sanzjonijiet dwar iż-żejt. Hu, fl-istess ħin, ammetta dwar l-użu ta’ network ta’ kumpanniji fl-Emirati Għarab, it-Turkija u l-Malasja biex, mill-2010, ibigħ miljuni ta’ bramel taż-żejt f’isem il-Gvern Iranjan.

Qabel l-arrest, il-biljunarju argumenta li s-sanzjonijiet internazzjonali kienu qed iżommuh milli jgħaddi l-ekwivalenti ta’ $1.2 biljuni dovuti lill-Gvern Iranjan bħala introjtu miż-żejt. Iżda fl-aħħar proċess tal-qorti, il-prosekuturi qalu li hu irid jagħti ‘il fuq minn $2.7 biljuni lill-Gvern tal-Iran fi dħul mir-riżors.

Zanjani – li spiċċa arrestat wara li l-President Iranjan Hassan Rouhani insista biex il-Gvern tiegħu jiġġieled il-‘korruzzjoni finanzjarja’ — u żewġ persuni oħra li, bħalu, spiċċaw ikkundannati għall-forka, kienu ordnati biex iħallsu lura fondi li nkisbu mill-frodi. Intant, l-imputati jistgħu jappellaw mid-digriet tal-qorti.