Il-gazzetti kollha tal-Ħadd iddedikaw l-editorjali tagħhom għall-pjaga tal-korruzzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-gazzetti tal-Partit Laburista u tal-General Workers Union, il-gazzetti kollha jesprimu tħassib u kundanna għal dak li qed jiġri.
Fl-editorjal tagħha, il-gazzetta il-Mument tgħid li l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu diġa’ kbir minnu nnifsu, id-dimensjoni ta’ dan l-iskandlu tkompli tikber hekk kif il-protagonisti, ewlieni fosthom il-Prim Ministru stess, ikomplu jiddefendu dak li hu kundannabbli u inaċċettabbli. L-editorjal ikompli l-imġieba ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri f’sitwazzjoni fejn il-pożizzjoni tagħhom m’għadhiex tenibbli u qed tħalli riperkussjonijiet fuq Malta.
The Sunday Times of Malta tgħid li kontroversja politika issir kriżi meta Joe Demicoli, magħrufa għall-parodiji tiegħu joħroġ kanzunetta dwarha. L-editorjal jgħid li Demicoli jirrifletti x’jaħseb il-poplu u laqat il-musmar fuq rasu, għaliex jgħidu x’jgħidu l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Enerġija, ir-riħa tinten ta’ dan l-iskandlu tibqa’ hemm.
L-editorjal ikompli l-mistoqsijiet fundamentali hi, għalfejn fil-Panama? Kif il-Gvern se jirnexxielu jikkonvinċi lill-poplu li m’hemmx skop ulterjuri wara l-kumpaniji mwaqqfa fil-Panama mill-Ministru tal-Enerġija u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Li tinjora l-kwistjoni m’hu se jwassal imkien, lanqas it-tentattiv goff tal-Prim Ministru li jiddevja l-attenzjoni fuq iż-żwieġ bejn persuni gay. Il-poplu irid tweġiba, u tweġiba serja, itemm l-editorjal.
L-Editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday jgħid li l-protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni hi sejħa għaċ-ċittadini Maltin kollha li jħobbu lil pajjiżhom u jridu jaraw li jitmexxa sew.
L-Editorjal ifakkar kif fl-aħħar elezzjoni, il-Partit Laburista iġġieled kampanja fuq il-governanza tajba u l-poplu bela’ l-wegħdi tiegħu għaliex ir-realta’ hi li m’hemmx sezzjoni waħda tas-settur pubbliku li ma kienitx mittiefsa b’allegazzjonijiet ta’ nepotiżmu u korruzzjoni.
The Malta Independent on Sunday jirreferi wkoll għad-dokument dwar il-governanza tajba mniedi mill-Partit Nazzjonalista u jgħid li dan hu l-iktar set ta’ proposti wiesa’ fl-istorja ta’ Malta u li jista’ jirranġa l-problemi ta’ governanza fil-pajjiż darba għal dejjem.
L-Editorjal ta’ Malta Today jgħid li jidher ċar li Joseph Muscat għadu ma rrealizzax is-serjeta’ tal-iskandlu panamagate u kkritika bl-aħrax it-tentattiv goff ta’ Muscat li jiddevja l-attenzjoni billi jqajjem l-issue ta’ żwieġ bejn persuni gay. Dan juri insensittivita’ lejn il-komunita’ gay li jqisu ż-żwieġ bħala kwistjoni importanti u issa qed jaraw lil Muscat jirriduċieha għal paraventu biex jiddevja l-attenzjoni.
Ikompli li f’demokrazija normali, il-Prim Ministru kien jitlob għal riżenja ta’ Ministru li jkun inqabad li għandu trust barra mill-pajjiż u kumpanija f’pajjiż li hu magħruf bħala tax haven.
Il-gazzetta Illum tieħu linja iktar ratba fil-konfront tal-Gvern, twiddiba iktar milli kundanna u jgħid li hija ħasra li numra ta’ riformi tal-Gvern, l-iktar fil-qasam soċjali, qed jittappnu b’nuqqasijiet serji ta’ trasparenza li qed iħammru wiċċ il-Gvern. L-editorjal ikompli l-governanza tajba u t-trasparenza huma importanti daqs, jekk mhux iktar minn ekonomija b’saħħitha u bidliet soċjali.
Iżolati għal kollox il-gazzetti it-Torċa u KullĦadd. L-editorjal tal-gazzetta tal-GWU jgħid li dan hu skandlu li qatt ma seħħ u hu biss frott ta’ komplott faħxi kontra l-Gvern Laburista.
Filwaqt li l-editorjal tal-gazzetta tal-Partit Laburista KullĦadd jgħid li l-Gvern Laburista huwa l-Gvern li għall-ewwel darba daħħal il-kunċett ta’ responsabbilta’ politika.
//= $special ?>