Żdied it-tħassib tal-Brażiljani dwar l-iskandlu tal-korruzzjoni u ħasil ta’ flus li jinvolvi lill-kumpannija taż-żejt nazzjonali Petrobras u li qed jhedded riperkussjonijiet serji għall-Gvern tal-President tal-Brażil Dilma Rousseff li tirrappreżenta l-Partit tal-Ħaddiema.
Żdiedet ukoll il-pressjoni għar-riżenja ta’ Rousseff minħabba l-iskandlu bbażat fuq frodi li ddistabbilizza s-sistema politika tal-Brażil u tefgħet lill-ekonomija f’riċessjoni.
L-iskandlu tal-kumpannija taż-żejt nazzjonali Petrobras u l-akkużi li politiċi tal-Gvern Braziljan immexxi mill-Partit tal-Ħaddiema kellhom sehem f’xibka ta’ tixħim u korruzzjoni qed tippolarizza lis-soċjetà Brażiljana meta l-Brażil riesaq lejn l-agħar riċessjoni f’aktar minn seklu. Sadanittant, żdiedet ir-rabja tan-nies talli l-politiċi fil-Gvern ibbenefikaw mit-tixħim fi żmien meta l-poplu qed jiffaċċja diffikultajiet kbar.
Fl-aħħar sigħat, Dilma Rousseff, żaret lill-eks President Brażiljan Luiz Inacio da Silva fir-residenza tiegħu fil-limiti ta’ Sao Paulo. Da Silva, jiem ilu, kien interrogat dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu l-Petrobras u fl-aħħar sigħat hu u l-President Rousseff dehru qed ixejjru minn gallarija lil folla nies li nġabru fl-inħawi.
L-eks President Lula, li spiċċa mill-poter fl-2011 u li kien għażel lil Rousseff bħala suċċessur, kien arrestat nhar il-Ġimgħa biex jgħin l-istħarriġ dwar l-iskandlu u qal li dan kien kollu parti minn kampanja intiża biex iċċappas ir-reputazzjoni tiegħu u ta’ Rousseff.
Filwaqt li ma tressqux akkużi formali kontra da Silva, il-prosekuturi qalu li hu kien interrogat dwar allegati favuri li hu rċieva mingħand kumpanniji tal-kostruzzjoni korrotti li huma implikati fi skema elaborata ta’ tixħim konnessa mal-Petrobras. L-iskandlu jibbaża wkoll fuq pagamenti sigrieti lill-eks President u individwi assoċjati għat-tqassim ta’ kuntratti fejn ibbenefikat il-Petrobras, li hi l-akbar kumpannija fl-Amerika t’Isfel.
Il-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan intlaqat ħażin ferm mill-iskandlu li ilu għaddej iż-żmien u meta l-pulizija qed jinvestigaw pagamenti u donazzjonijet li saru lil istitut li jmexxi Lula da Silva. Minbarra l-politiċi, l-investigazzjoni qed tikkonċentra wkoll fuq uħud mill-akbar sinjuruni tal-Brażil li jingħad kellhom sehem f’din ix-xibka ta’korruzzjoni.
Il-prosekutur pubbliku, Carlos Fernando dos Santos Lima, insista li ħadd fil-Brażil, irrispettivament mill-grad tiegħu, mhu eżenti milli jkun suġġett għal investigazzjoni f’kazi fejn jeżistu sinjali ċari ta’ reat u possibbiltà ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata.
//= $special ?>