Lokali

Il-Kuntrattur Ġordaniż ordnat ma jibqax juża’ l-kelma Universita’ fil-materjal promozzjonali tiegħu

Il-Kuntrattur Ġordaniż li ngħata art barra mill-iżvilupp fiż-Żonqor kien ordnat mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla sabiex ma jibqax juża’ l-kelma Universita’ fil-materjal promozzjonali tiegħu sakemm dan jingħata l-liċenzja ta’ universita’.

Dan kien żvelat mill-gazzetta Maltatoday li qalet li l-Kummissjoni bagħtet ittra ġudizzjarja lil Sadeen Education Investment, li se tiżviluppa l’hekk imsejjħa Universita’ Amerikana ta’ Malta.

Din l-Universita’ tħabbret b’fanfarra kbira f’Mejju li għadda f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja u li matulha sar maghruf li dan l-iżvilupp kien se jibla’ 90,000 metru kwadru ta’ art verġni fiż-Żonqor.

Wara protesti kbar, fosthom l-ikbar protesta ambjentali fl-istorja ta’ pajjiżna, id-daqs tal-proġett fiż-Żonqor tnaqqas. Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla ħarġet il-liċenzja għal istituzzjoni edukattiva u mhux għal Universita’ minħabba li m’għandhiex korsijiet biżżejjed li jikkwalifikawha biex tissejjaħ bħala universita’ .

Għaldaqstant, il-kuntrattur Ġordaniż ma jistax juża l-kelma Universita’ fil-materjal promozzjonali tiegħu.