Il-Prim Ministru xellugi tas-Slovakkja, Robert Fico, rebaħ l-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżu, iżda tilef il-maġġoranza fil-Parlament.
Dan ifisser li Fico, magħruf bħala anti-immigranti u li jippromwovi din il-politika partikolari, jeħtieġ isib is-sieħba għal koalizzjoni li, ’il quddiem, tippermettilu tielet mandat ta’ tmexxija.
Is-Slovakkja tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’Lulju u Fico magħruf li jopponi bl-aħrax għall-kwoti tal-Unjoni rigward ir-rilokazzjoni ta’ immigranti mill-Greċja u l-Italja u li jesiġu biex is-Slovakkja taċċetta l-mijiet tal-barranin.
Fico ħalef biex ma jaċċettax ‘imqar immigrant wieħed Musulman’ u l-ideat konservattivi tiegħu dwar l-immigrazzjoni huma simili għal ta’ Mexxejja fil-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.
Sadanittant is-Slovakkja, is-sena l-oħra, kienet irċeviet biss madwar 260 talba għal kenn politiku.
L-aħħar riżultati mill-elezzjoni tas-Slovakkja indikaw li l-kisbiet ta’ partiti żgħar jistgħu jipproduċu Parlament maqsum mingħajr l-ebda direzzjoni ċara għat-twaqqif ta’ Gvern ta’ maġġoranza.
B’kollox, tmien partiti, fosthom il-Partit estremista tas-Slovakkja Tagħna (li kiseb tmienja fil-mija tal-appoġġ) se jkunu rappreżentati fil-Parlament.
Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-Partit Smer-Soċjal Demokratiku ta’ Robert Fico għandu jikseb madwar 50 siġġu fil-Parlament ta’ 150 deputat u, bħala l-Kap tal-akbar partit fl-elezzjoni tas-Sibt, mistenni li Fico, ’il quddiem, ikun mitlub jifforma Gvern ġdid fi Bratislava.
//= $special ?>